Ġesù jsejħilna biex nitolbu “bla ma naqtgħu”

child-praying

Għandna parabbola li turina kif għandna nitolbu dejjem u bla ma naqgħtu qalbna. Nitolbu ta’ kuljum u mhux meta jkollna bżonn xi ħaġa.

Ġesù jsejħilna biex nitolbu “bla ma naqtgħu”. Kollha ngħaddu minn mumenti ta’ għejja u ta’ qtigħ il-qalb, fuq kollox meta t-talba tagħna donnha m’hix tħalli frott. Imma Ġesù jiżgurana: b’differenza mill-imħallef diżonest, Alla malajr jisma’ lil uliedu, anki jekk dan ma jfissirx li jagħmlu skond iż-żminijiet u bil-manjiera li rridu aħna. It-talb m’hux xi bakketta maġika! Hu jgħinna nżommu sħiħa l-fidi tagħna f’Alla, biex nafdaw Fih imqar meta ma nifhmux ir-rieda tiegħu.

X’inhuwa t-talb?

It-talb mhux ħafna tlablib, bħal papagal, imma t-talb joħroġ mill-qalb: fejn niffissaw il-ħarsa tagħna fuq il-Mulej, nisimgħu lill-Mulej u nistaqsuh lill-Mulej.

Meta nitolbu inkunu qegħdin niftħu l-bieb ta’ qalbna għall-Mulej biex huwa jkun jista’ jidħol. Meta jkun hemm problema, xi sitwazzjoni diffiċli, nitolbu biex niftħu l-bieb għall-Mulej biex huwa jkun jista’ jagħmel xi ħaġa. Jekk nagħlqu l-bieb, Alla ma jista’ jagħmel xejn.

Talb li ma jkunx xi ħaġa formali, imma li ħiereġ mill-qalb.

Mother Theresa kienet tgħid:

Il-frott tas-silenzju hu t-talb.

Il-frott tat-talb hi l-fidi.

Il-frott tal-fidi hi l-imħabba.

Il-frott tal-imħabba hu s-servizz.

Il-frott tas-servizz hu l-paċi……Dan huwa l-miraklu tat-talb

Ma hemmx dixxipulat part-time. Lanqas hemm talb part-time. U r-raġuni ta’ dan kollu huwa għaliex Alla jħobb il-persuna kollha u jixtieq dak kollu li jien. Għalhekk KONSISTENZA fid-dixxipulat titlob KONSISTENZA fit-talb…u KONSISTENZA fit-talb jibni d-dixxipulat.

F’kelma oħra ma hemmx separazzjoni bejn il-ħajja u t-talb. L-għan huwa l-istess, l-integrazzjoni tal-persuna tiegħi innifsi fil-proġett nisrani. Għalkemm ir-relazzjoni hija primarja. It-talb huwa mportanti u kif ngħix huwa t-test tat-talb tiegħi.

L-għan tat-talb m’hux li nibdel l-moħħ ta’ Alla, imma li nibdlu lilna nfusna u li nimxu l-quddiem.

fr. David Cortis osa

Leave a Comment

Scroll to Top