Ħalli lil Alla jaħdem bil-mod tiegħu…ifraħ għax aħna milqugħin u maħbubin minn Alla!
Hija liturġija tassew sabiħa u rikka! Il-messaġġ nisrani jissejjaħ “evanġelju”, jiġifieri “bxara tajba”, sejħa għall-ferħ għall-poplu kollu; il-Knisja mhix kenn għall-imdejqin, il-Knisja hija d-dar tal-ferħ! U dawk li huma mdejqin isibu fiha l-ferħ, isibu fiha l-ferħ veru! U nifirħu għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib. Hekk ukoll igħidilna San Ġakbu fit-tieni qari. “Stabru intom ukoll, qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib” (v.8).
X’messaġġ ta’ ferħ u ta’ kuraġġ! Qawwi qalbek! Kuraġġ! Nistennew ftit u nħallu lil Alla jaħdem bil-mod tiegħu u mhux qisu xi slot machine jew instant machine. Inħallu lil Alla jaħdem bil-mod tiegħu. Nistennew, nishru, nqawwu qalbna u nafdaw f’Alla – 4 verbi li waħdihom għandhom riflessjoni sħiħa.
U nistaqsu – Kif qed jaħdem Alla bil-mod tiegħu? Ikollna bżonn ninżlu aktar fil-fond u mhux affarijiet grandjużi kif nistgħu nimmaġinaw. Naraw x’qalilna l-Evanġelista – “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li smajtu u rajtu: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Bxara t-Tajba tithabbar lill-fqar.”(vv.5-6).
Jfejjaq l-għamad tagħna, li nżappu fit-triq, il-mard spiritwali tagħna, iqajjimna minn dak li huma mejjet fina u f’ħajjitna. Dawk nafu li qegħdin hemm. Imma nafu wkoll li Alla ser jaħdem bil-pass tiegħu. U dan permezz ta’ Ġesù li jagħtina l-ħajja mill-ġdid. U x’ma tifraħx quddiem dan kollu. U din hija l-esperjenza tal-Avvent – li nieqaf, nirrifletti, nħalli lill Alla jżurni, għaliex ikollna dak il-mewt u nixfa spiritwali u l-Mulej igħati l-ħajja.
U jien kemm jien ferħan f’ħajti? Xi jfisseri l-ferħ f’ħajti? Kapaċi nifirħu llum? Nħallu dan il-ferħ jimlilna qalbna, ikun ta’ duwa u ta’ imbuttatura biex nimxu ‘l quddiem. Huwa ferħ, meta nifhmu li aħna milqugħin u maħbubin minn Alla
Il-profeta Iżaija (fl-ewwel qari) jsejjaħ lil dawk kollha li tilfu t-triq u jinsabu fid-dwejjaq biex jafdaw fil-fedeltà tal-Mulej, għax is-salvazzjoni tiegħu ma ddumx ddawwal il-ħajja tagħhom. Dawk kollha li ltaqgħu ma’ Ġesù tul il-mixja tal-ħajja, jagħrfu f’qalbhom hena u ferħ li ħadd u xejn ma jista’ jċaħħadhom minnha. Il-ferħ tagħna hu Ġesù Kristu, l-imħabba tiegħu iżżomm sħiħ u ma tispiċċa qatt. Dan ifisser, allura, li meta nisrani jsir imdejjaq, dan għax ikun tbigħed minn Ġesù. Għalhekk ma nistgħux inħalluh waħdu lil dan jew din! Irridu nitolbu għalih, u ngħinuh iħoss l-imħabba tal-komunità.
Għalhekk – Nistennew, nishru, nqawwu qalbna u nafdaw f’Alla, u nifirħu filwaqt li nħallu lil Alla jaħdem il-mod tiegħu u li aħna naqraw u ngħarfu kif Alla qed jaħdem fina u madwarna.
fr. David Cortis osa