Sar il-ħin. Alla ġej id-dar għalina.

Mary-do-not-be-afraid.jpg

Sar il-ħin. Alla ġej id-dar għalina. Il-Mulej jidħol fl-istorja tal-ħajja tagħna. Niftħulu l-bieb u nħalluh jidħol.

Inkomplu f’din il-mixja tagħna f’dawn il-Ħdud tal-Avvent…f’dan iż-żmien ta’ preparazzjoni…mhux preprazzjoni biss għax-xiri tar-rigali, tiżjin, u elf ħaġa oħra, imma wkoll għal ftuħ ta’ qlubna biex bil-liberta sħiħa inħallu lil Alla jkompli jippreparana...

Matul dawn l-4 Ħdud tal-Avvent, permezz tal-liturġija, konna qegħdin fi tfitxxija għall-passi u s-sinjali tal-presenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Fil-fatt

fl-ewwel Ħadd rajna kif għandna nħarsu lejn dak li qed jiġri fil-ħajja tagħna, u dan bl-għajnejn tal-fidi mingħajr fataliżmu imma b’ħafna tama.

Imbagħad fit-tieni Ħadd rajna kif nipprattikaw l-laqgħa.

Il-Ħadd li għadda kif ser inħallu lil Alla jaħdem bil-mod tiegħu u li nifirħu għax aħna maħbubin minn Alla,

u f’dan il-Ħadd nagħrfu u nirrikonoxxu lil Ġesu bħala l-Iben ta’ Alla.

Is-silta tal-evangelju li għadna kif smajna, hija skont S. Mattew. L-evangelista jibda b’mod partikolari. Qisu jrid jgħidilna…heqhimm…ftit attenzjoni għal dak li għandi ngħid..għax l-affarijiet mhux ser isiru skont kif qed taħsbu…imma hemm xi ħaġa oħra li qeda tinħadem… u jibda… “It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk:” u jibda jgħidilna kif sar it-tnissil. U dan b’mod dirett, b’ħasda…(hekk ukoll fl-ewwel qari meta l-profeta Isaija fi żmien ir-Re Aħaż jgħid – Isimgħu, O, dar David!..b’esklamazzjoni, b’talba, b’interuzzjoni….)

U kif Mattew jibda’ jgħidilna kif sar it-tnissil, ngħidu …ejja fl-aħħar għandna t-tħabbira tat-twelid…it-Tama tagħna.  L-isem tat-tarbija għandu jkun Emmanwel, li tfisser Alla magħna, jew aħjar jekk nidħlu ftit aktar fil-fond tat-tifsira tal-kelma immanu-el, naraw li tfisser Alla wieħed komuni f’fostna jew aħjar Alla qiegħed f’fostna, jgħix magħna, ġie fid-dar biex jibqa magħna għal dejjem…mhux biss magħna u tista tinftiehem bħala iva Alla qiegħed magħna, pero hu qiegħed post ieħor, pero Alla qiegħed fostna, hawn preżenti f’kollox, preżenti fil-kultura tagħna, fil-ħajja tagħna, f’kollox hemm il-preżenza ta’ Alla, anke fejn l-inqas li naħsbu li qiegħed. Għalhekk fl-ewwel Ħadd rriflettejna kif għanda nħarsu u nfittxu s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna.

F’dawk il-postijiet fejn hemm diviżjoni, ġlied fil-familji…minħabba wirt, piki u affarijiet oħra…mibegħda u razziżmu kontra l-immigranti f’pajjiżna, inġustizzji fuq il-postijiet tax-xogħol, fejn nwarrbu lil Alla mill-ħajja pubblika u nħalluh biss xi ħaġa privata u personali mingħajr aspett komunitarju…f’dawn is-sitwazzjonijiet u ħafna oħrajn…wieħed ġej li jinterrompi, u b’mod dirett, b’ħasda (kif beda l-evanġelju llum, kif spegajt aktar kmieni), jibdel l-istorja. U dan mhux qed jsir b’ħafna fanfarra…imma fil-ħolm, bħal din ta’ Ġużeppi, qalb il-foqra u dawk li l-inqas emmnu li l-bxara t-tajba ser tibda minnhom. U s-sinjal huwa iben, li jsalva lil poplu minn dnubiethom.

Quddiem il-ħolma, Ġużeppi kellu għażla…jinjora dak li qallu l-anġlu u jkompli bil-pjan li kien diġa fassal…jew inkella jagħmel dak li qallu l-anġlu fil-ħolma. Kollox kien jiddependi mid-deċiżjoni ta’ Ġużeppi… Hekk ukoll aħna…ħafna drabi nkunu diġa fassalna pjan dettaljat..u Alla jintervjeni fil-ħajja tagħna b’dan il-mod, u l-Providenza tbiddel il-pjan kollu u li teħodna f’direzzjoni oħra…

U għalhekk, iż-żmien huwa qrib. Huwa żmien ta’ deċiżjonijiet diffiċli, deċiżjonijiet li jagħtu l-ħajja u li jsostnuna quddiem il-mewt, dlam, il-vojt interjuri, in-nixfa spiritwali, mingħajr referiment għal xi ħadd, mingħajr viżjoni, bi kriżi ta’ identità, f’qasmiet u divizjonijiet differenti…u quddiem dan kollu…X’aħna nistennew?…..il-paċi, l-ġustizzja, u t-tama issa saru persuna, iben li ser jitwieled fostna.

Alla jsir bniedem fi qlubna, fl-istorja tagħna, u dan bil-fidi u l-ubidjenza, kif ġara f’Marija u Ġużeppi. Issa huwa t-turn tagħna, l-parti tagħna, ż-żmien li ngħixu l-ħajja għaliex inħallu lil Alla jgħammar fostna. Sar il-ħin. Alla ġej id-dar għalina. Il-Mulej jidħol fl-istorja tal-ħajja tagħna. Niftħulu l-bieb u nħalluh jidħol.

fr. David Cortis osa

Leave a Comment

Scroll to Top