Awguri!

AWGURI

Illum qegħdin nagħlqu kapitlu u niftħu ieħor.

  1. Ħares lura u rringrazzja lil Alla
  2. Ħares ‘il quddiem u afda f’Alla
  3. Ħares madwarek u aqdi lil Alla
  4. Ħares ġo fik u sib lil Alla

BARKA Fl-ewwel qari naraw kif il-Lhud ifakkru r-relazzjoni tagħhom mal-Mulej għaliex jiftakru li l-Mulej ibierikhom, jixħet id-djia ta’ wiċċu fuqhom u jimlihom bl-imħabba. Din hija l-istedina li l-Mulej qiegħed jagħmlilna llum fl-aħħar/bidu tas-sena.. biex nħalluh fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. Nirringrazzjawh ta’ kull ma jagħmel magħna u nħalluh jgħix magħna fil-ħajja tagħna.

PACI – 2 FIGURI – MARIJA – RGHAJJA

Ir-rgħajja huma l-protagonisti tal-Evanġelju tallum.. u għaliex? Ir-rgħajja infatti kienu meqjusa bħala l-aħħar nies fis-soċjeta’, l-imwarrbin, ħadd ma jrid jaf bihom..anke għax kienu jkunu mal-annimali u kienu meqjusin bħala imniġġsa… imma fuq kollox kienu nies li mimlijin entużjażmu marru jżuru lil Ġesu’ għaliex ma kienux mimlija bihom infushom..

L-entużjażmu tiegħi għall-ħajja għadu hemm? L-entużjażmu għall-ġdid, għal kapitlu ieħor, għal sena oħra, għal esperjenzi ġodda… Hemm affarijiet li huma taħt il-kontroll tagħna..għalhekk hija d-deċiżjoni tagħna jekk nagħmlux sena pożittiva.. li tkun pozittiv ma jfissirx li tkun qiegħed tgħix fis-sħab jew inkella il-ħin kollu tidħak għaliex lkoll nafu li l-ħajja mhux kollha affarijiet sbieħ iżda d-differenza narawha biss meta npoġġu kollox f’riġlejn il-Mulej u bħal Marija nagħrfu nqiegħdu kollox quddiemu. Kellhom qalb umli li setgħet tilqa’ din l-aħbar taċ-ċkejken Ġesu’ bil-ferħ.. u aħna kif qegħdin nilqgħu din l-aħbar? Il-Milied sar żmien bħal oħrajn li jgħaddi u jmur bħal ħafna oħrajn? X’ser inħalli f’idejn il-Mulej din is-sena?

Marija Omm il-Paci: Din hija l-esperjenza ta’ Marija kif naqraw fl-Evanġelju meta “Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.”…fil-lingwa oriġinali (il-Grieg) il-kelma li tintuża biex tesprimi li qagħdet taħseb fuqhom hija “ġabet il-ħsibijiet tagħha flimkien” (symballon) – għalhekk l-istedina ta’ Marija hija biex nagħrfu naħsbu fl-esperjenzi tal-ħajja tagħna fid-dawl ta’ Kristu u għalhekk inpoġġu d-diffikultajiet u x-xewqat tagħna f’riġlejn il-Mulej.. fil-bidu tas-sena.

Dan il-ħadd huwa ukoll il-ħadd iddedikat għal paċi fid-dinja. Forsi nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li meta nisimgħu l-kelma Paċi naqtgħu qalbna u ngħidu li ma nistgħu nagħmlu xejn.. hija wisq diffiċli. Il-Papa fil-messaġġ tiegħu għal paċi jgħidilna li l-paċi m’hiex ħolma..hija xi ħaġa possibli.. u dan huwa messaġġ ta’ kuraġġ għalina lkoll. Stedina sabiex ma nibqgħux skjavi imma nsiru persuni ħielsa, u fuq kollox neħilsu persuni oħrajn li jinsabu skjavi.. għax aħna lkoll familja waħda.

Kif nistgħu nkunu aħna nies ta’ paċi? Il-paċi hija reali, jew aħjar tiġa teżisti iżda jonqosna nfittxuha u nħalluha tidħol f’qalbna l-ewwel imbagħad naqsmuha mal-oħrajn.. Jekk il-paċi m’hiex f’qalbi, ma nistax naqsamha mal-oħrajn.. għaliex ħadd ma jista’ jaqsam minn dak li m’għandux.

Il-paċi ma tibqax biss kelma sabiħa li nużawha f’dawn il-jiem imma tibda’ ssir realta’ fil-postijiet fejn inkunu; fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol, fil-ħsieb tagħna, fit-talb tagħna..

Dan hu l-awgurju ta’ sena ġdida, sena li fiha nagħrfu ngħixu l-esperjenzi li ser ngħaddu minnhom lkoll fil-Mulej bħalma Marija għamlet mat-twelid ta’ Ġesu’…u dan kollha jgħinna nkunu miftuħa biex inħallu lil Ġesu’ jitwieled fina u nsir wiċċ ta’ paċi għall-oħrajn. Awguri!

fr. Terence Spiteri osa

Leave a Comment

Scroll to Top