Min ifittex isib…

Best-Binoculars-0.jpg

Min ifittex isib, min iħabbat jiftħulu

Min jaf kemm-il darba rrepetejna din il-frażi lil xulxin.. probabli l-kuntest ta’ din il-frażi jkun meta xi ħadd ikun qiegħed jgħejja jfittex jew ikollu bżonn kuraġġ biex ikompli jfittex.. jew forsi qaluha lilna!

L-istess ħaġa ġralhom il-maġi fil-festa tal-lum. Pero bid-differenza li l-maġi komplew ifittxu biex sa fl-aħħar sabu lil Ġesu u “mtlew b’ferħ kbir, inxteħtu fl-art iqimuh, fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu r-rigali

3 Kelmiet li għinuna fir-riflessjoni tagħna huma: dija, aħwa u tfittxija

Fl-ewwel qari il-profeta Iżaija qiegħed iħeġġiġna u jinkuraġġina biex nħallu lil wiċċna jiddi  bil-ferħ, ferħ li ma jispiċċa qatt. Jekk inħarsu ftit lejn il-kelma “jiddi” naraw li hija repetuta diversi drabi u dan ifisser li il-ħajja tagħna trid tkun waħda li tiddi bil-ferħ. Mhux qed ngħid li nkunu dejjem ferħanin għaliex impossibli imma li jkolna l-ferħ f’qalbna.. bħala meta il-baħar fil-maltemp ikollu l-wiċċ imċafċaf u mqalleb imma isfel ikun kalm.

Il-Papa Franġisku diversi drabi fil-messaġġi tiegħu isemmi li aħna l-Insara għandna nkunu nies ferħana għax Kristu qiegħed dejjem magħna u lest li jiftħilna l-bieb.

Fit-tieni qari San Pawl qiegħed jistieden lil Komunita’ ta’ Efesu u llum lilna ukoll biex din l-aħbar it-tajba li hija l-ferħ tal-fidi tagħna ma nżommuhiex għalina biss imma naqsmuha ma’ kulħadd. Għalhekk qiegħed ifakkarna sabiex ma nkunux persuni li naqtgħu għad-dritt u ngħidu fuq in-nies. Ma nħarsux lejn l-oħrajn bħala inqas importanti minni, iżda fuq kollox inqisu lil xulxin bħala aħwa għax aħna għandna lkoll l-istess Missier.

Fl-evanġelju San Mattew jippreżentalna tlett tipi ta’ persunaġġi: Maġi, Erodi u Qassisin, kollha b’atteġġjament differenti.

Nibdew b’Erodi. Nafu x’tip ta’ bniedem kien dan Erodi. Biex ma jitlifx il-poter qered it-trabi kollha subien minn sentejn l’isfel. Erodi kien beżżiegħ, beżgħa li dan it-tfajjel ta’ Betlem ser jeħodlu postu. Malli jisma li twieled Sultan jitħawwad, ġabar il-Kittieba u l-Qassisin il-kbar u tkixxef mingħandhom x’kienet dil-biċċa xogħol ! Erodi jirrapreżenta lil min jitfixkel minħabba Ġesu’, min jaħseb li Ġesu’ jrid jeħodlu xi ħaġa. Iva Ġesu’ lil Erodi ried jeħodlu xi ħaġa : l-eġoiżmu tiegħu ! Erodi jasal iqarraq biex ma jitlifx. Erodi jasal joqtol biex ma jitlifx. Erodi huwa dak il-miskin li jaħseb li ser jieħu kollox miegħu, li l-poter, il-flus u il-fama huma għal dejjem !

Imbgħad għadna it-tieni kategorija : Il-kittieba u l-qassisin il-kbar. Dawn kienu nies tassew intelliġenti. Huma kienu jafuha sewwa il-Bibbja, u lil Erodi weġbuħ tajjeb. Huma kienu jafu fejn kellu jitwieled il-Messija, esperti wkoll biex juri fejnu, biex jibgħatu lill-oħrajn ħa jiltaqaw miegħu, imma huma ma jmorrux. Kienu qishom is-signs tat-toroq ; juruk fejn trid tmur imma huma ma jiċċaqalqux!

Imbgħad għadna lil Maġi. Ovvjament illum dawn huma l-Imgħallmin tagħna. Dawn il-Maġi ma nsibuhomx jitkellmu, it-triq ma jafuhiex eżatt. Il-Maġi prattikament ma jgħidu xejn imma jgħallmuna ħafna b’dak li jagħmlu. Huma ma qagħdux jittrattjienu, telqu kollox, u mxew f’post fejn ma kienux jafu, qalb nies li għalihom kienu barranin. Kieku qagħdu jikkalkulaw x’kien sejjer jiswiehom dak il-vjaġġ, kienu jibqgħu komdi f’posthom fl-Orjent, iħarsu lejk il-kwiekeb u jispjegaw l-istilel lil ħaddieħor forsi!

Dawn huma tliet atteġjamenti li lkoll kemm aħna ngħaddu minnhom fil-ħajja tagħna. Min jaf kemm-il darba tfixkilna bħal Erodi fil-ħajja tagħna għax ħassejna li Ġesu jrid jeħodilna xi ħaġa mill-ħajja tagħna… Ġeli nħossu li nafu kollox bħal Qassisin u forsi konna nafu li hemm bżonn t’għajnuna u għażilna li nibqgħu komdi fejn aħna… Għixna ukoll bħalma għixu l-maġi għaliex ppruvajna nifttxu lil Ġesu, fuq kollox dan hu li qegħdin nagħmlu llum għaliex kieku mhux qegħdin hawn żgur…

Ejjew inħallu lil Kristu jiddi fuq wiċċna u fil-ħajja tagħna billi nagħtu xhieda tiegħu fil-ħajja tagħna permezz tat-tfittxija bla waqfien.

fr. Terence Spiteri osa

Leave a Comment

Scroll to Top