{"id":233,"date":"2017-02-17T14:25:49","date_gmt":"2017-02-17T13:25:49","guid":{"rendered":"https:\/\/dev.agostinjani.org\/malti\/riflessjonijiet-u-artikli\/hilary-tagliaferro-riflessjonijiet-u-artikli\/is-sena-tal-hniena-is-sena-tal-kappella-tal-millennju-2\/"},"modified":"2017-02-17T14:25:49","modified_gmt":"2017-02-17T14:25:49","slug":"is-sena-tal-hniena-is-sena-tal-kappella-tal-millennju-2","status":"publish","type":"post","link":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/riflessjonijiet-u-artikli\/hilary-tagliaferro-riflessjonijiet-u-artikli\/is-sena-tal-hniena-is-sena-tal-kappella-tal-millennju-2\/","title":{"rendered":"IS-SENA TAL-\u0126NIENA &#8211; IS-SENA TAL-KAPPELLA TAL-MILLENNJU"},"content":{"rendered":"<p><strong>minn P. Hilary Tagliaferro osa<\/strong><\/p>\n<p>Il-Papa Fran\u0121isku feta\u0127 is-sena tal-\u0126niena fit-8 ta\u2019 Di\u010bembru 2015, fl-istess \u0121urnata li l-Millennium Chapel kienet qed tfakkar il-15-il sena mit-twaqqif tag\u0127ha. B\u0127ala Agostinjani, li din<\/p>\n<p><!--more--><\/p>\n<p>is-sena qed ji\u010b\u010belebraw il-200 sena mit-twaqqif tal-Provin\u010bja f\u2019Malta, ilhom pre\u017centi f\u2019Paceville-San \u0120iljan minn qabel l-a\u0127\u0127ar Gwerra Dinjija, il-Kappella ma setg\u0127etx ma tkunx mibnija fuq is-sisien tat-tag\u0127lim ta\u2019 Santu Wistin, li kien mhux biss \u0121enju fil-Knisja imma fuq kollox rag\u0127aj li ta \u0127ajtu g\u0127all-knisja fl-Afrika ta\u2019 Fuq.\u00a0<\/p>\n<p>Wa\u0127da mill-affarijiet li jolqtuk kif tid\u0127ol fil-Kappella f\u2019Paceville, barra l-atmosfera ta\u2019 pa\u010bi u sliem, huma l-\u0127afna kwotazzjonijiet minn qaddisin, filosofi u benefatturi tal-umanit\u00e0 li hemm madwar il-kappella u li kull min jid\u0127ol ma jistax ma jiqafx jaqra u jirrifletti fuqhom. Fihom forza spiritwali u umana qawwija.<\/p>\n<p>Fost dawn il-kwotazzjonijiet ma tistax tonqos dik ta\u2019 S.Wistin li tg\u0127id :<\/p>\n<p><strong><em>X\u2019inhi l-im\u0127abba?<\/em><\/strong><\/p>\n<p><strong><em>G\u0127andha l-idejn biex tg\u0127in lill-o\u0127rajn.<\/em><\/strong><\/p>\n<p><strong><em>G\u0127andha s-saqajn biex t\u0127affef lejn il-fqir u min hu fil-b\u017conn.<\/em><\/strong><\/p>\n<p><strong><em>G\u0127andha l-g\u0127ajnejn biex tara l-mi\u017cerja u l-g\u0127aks. G\u0127andha l-widnejn biex tisma\u2019 l-krib u l-biki tan-nies.<\/em><\/strong><\/p>\n<p><strong><em>Dik hi l-im\u0127abba!<\/em><\/strong><\/p>\n<p><strong>Il-famu\u017c cartoon Peanuts jg\u0127id: \u201cI love all humanity; it\u2019s people I hate.\u201d<\/strong><\/p>\n<p>Din hija distinzjoni important g\u0127ax, tistaqsi lil min tistaqsi, kul\u0127add jg\u0127idlek li jrid u jixtieq i\u0127obb lil kul\u0127add, imma \u0127add ma jrid i\u0127amme\u0121 idejh, jag\u0127ti l-\u0127in tieg\u0127u, jisma\u2019 d-dwejjaq ta\u2019 \u0127addie\u0127or u jda\u0127\u0127al idejh fil-but.<\/p>\n<p><strong>Fuq kollox kif xi \u0127add jirfsilna xi kallu mhux fa\u010bli li ta\u0127firlu u t\u0127obbu!<\/strong><\/p>\n<p>\u00a0<\/p>\n<p>Mhux billi tg\u0127id li t\u0127obb lil kul\u0127add: x\u2019inti tag\u0127mel biex tg\u0127in verament, biex tisma\u2019 d-dwejjaq ta\u2019 \u0127addie\u0127or u tg\u0127in lil min hu fil-b\u017conn?<\/p>\n<p>Numru ta\u2019 persuni Maltin g\u0127a\u017clu li jid\u0127lu g\u0127al din l-isfida nisranija billi applikaw biex ikunu \u201cWelcomers\u201d &#8211; voluntiera fil-Kappella\/Wow biex iqassmu boro\u017c tal-ikel u \u0127wejje\u0121 lill-persuni u familji fil-b\u017conn; ikunu kunsilliera kwalifikati u professjonali \u0127a jag\u0127tu servizz b\u2019xejn lil dawk li g\u0127andhom problema fir-relazzjoni tag\u0127hom, jew huma mkissra bid-droga, xorb u log\u0127ob tal-a\u017c\u017card, u jag\u0127mlu kull xog\u0127ol ie\u0127or li jista\u2019 jinqala\u2019. Dawn kollha flimkien ma\u2019 numru ta\u2019 refu\u0121jati j\u0127abbtu l-bieb tal-kappella g\u0127all-g\u0127ajnuna u g\u0127alkemm mhux possibbli li ssolvi l-problemi ta\u2019 kul\u0127add imma fil-Kappella dejjem issib lil xi \u0127add li jisimg\u0127ek u j\u0127enn g\u0127alik.<\/p>\n<p>Fuq kollox bis-sa\u0127\u0127a ta\u2019 \u0121emella\u0121\u0121 li g\u0127andha l-Kappella mas-Sorijiet tal-Monasteru ta\u2019 Santa Kjara g\u0127andna talb kontinwament g\u0127addej g\u0127al kull min jitlob l-g\u0127ajnuna u jsiru sieg\u0127a adorazzjoni kull l-ewwel \u0120img\u0127a tax-xahar u fl-a\u0127\u0127ar \u0121img\u0127a ta\u2019 kull xahar li g\u0127aliha jattendu \u0127afna mill-voluntiera.<\/p>\n<p>Il-Kappella g\u0127andha wkoll \u0121emella\u0121\u0121 ie\u0127or mal-<em>Youth Football Association<\/em> g\u0127aliex temmen \u0127afna fil-valuri tal-isports g\u0127all-i\u017cvilupp u l-formazzjoni fil-karattru ta\u017c-\u017cg\u0127a\u017cag\u0127.<\/p>\n<p>Dan juri li l-Kappella mhix miftu\u0127a biss biex tie\u0127u \u0127sieb il-b\u017connijiet kollha tar-ru\u0127 imma wkoll tal-\u0121isem g\u0127aliex Alla \u0127alaq il-bniedem s\u0127i\u0127 bir-ru\u0127 u l-\u0121isem.<\/p>\n<p>I\u017c-\u017cg\u0127o\u017cija ta\u2019 S.Wistin dejjem kienet vi\u010bin \u201cil-<em>high society<\/em>\u201d \u2013 medja alta tas-so\u010bjet\u00e0 ta\u2019 \u017cmienu imma wara l-konver\u017cjoni tieg\u0127u u bl-influwenza li \u0127alla fuqu Sant\u2019Ambro\u0121 f\u2019Milan, resaq \u0127afna lejn il-fqir ming\u0127ajr ma \u0127alla s-sinjur. Kienu jmorru jisimg\u0127uh g\u0127al sig\u0127at s\u0127a\u0127 kull kategorija ta\u2019 nies u meta kien jara fuq quddiem \u0127afna sinjuri kien jindirizzahom direttament u jg\u0127idilhom :<\/p>\n<p><strong>\u00a0\u201cNitlob g\u0127alikom biex tkomplu tkabbru t-te\u017cori tag\u0127kom, mhux biex tgawdu intom biss i\u017cjed imma biex ikolkom minn fejn tag\u0127tu lill-fqar.\u201d <\/strong><\/p>\n<p>\u00a0<\/p>\n<p>U meta b\u0127ala Isqof kien ukoll l-im\u0127allef tal-Provin\u010bja kellu dejjem \u0127niena u \u201c<em>soft spot<\/em>\u201d g\u0127al min kien dg\u0127ajjef u fqir. L-g\u0127a\u017cla preferenzjali tal-fqar kien jag\u0127milha sew u kostantement fid-dawl tal-\u0127ajja \u0121dida li issa kien \u0127addan.<\/p>\n<p>Il-\u0127ajja tieg\u0127u ta\u2019 rag\u0127aj kienet kollha kemm hi dedikata g\u0127all-poplu. Kien g\u0127a\u017cel li jg\u0127ix fil-faqar u fil-\u0127ajja komuni mal-\u0127bieb fejn kien jaqsam dak kollu li kellu b\u0127al kull membru tal-komunit\u00e0 tieg\u0127u u kul\u0127add jie\u0127u kemm ikollu b\u017conn. Da\u0127al fl-ispirtu tal-faqar u g\u0127alhekk li kien sensittiv g\u0127al min kien fil-b\u017conn.<\/p>\n<p>Waqt li din is-sena l-Millennium Chapel qed ti\u010b\u010belebra il-15-il sena mit-twaqqif tag\u0127ha, ippubblikat ktieb mill-isba\u0127 ta\u2019 Peter Calamatta jismu \u201cMaltese Plants in the Bible\u201d li jitratta b\u2019dettalji kbar fuq il-pjanti li kienu jikbru fl-Art Imqaddsa fi \u017cmien \u0120es\u00f9 u li g\u0127adhom jikbru hawn Malta. Mal-kwotazzjoni mill-Bibbja fejn jissemmew dawn il-pjanti mediterranji, b\u0127a\u017c-\u017cebbu\u0121a, ir-rummien, it-tin u o\u0127rajn hemm mhux biss ritratt sabi\u0127 tal-pjanta me\u0127ud hawn Malta llum imma wkoll kumment fuq l-istorja tag\u0127ha.<\/p>\n<p>Fl-a\u0127\u0127ar ta\u2019 dan il-ktieb il-Professur Richard England fuq talba tal-Millennium Chapel Foundation ippre\u017centa pjanti u disinn ta\u2019 \u0121nien \u017cg\u0127ir bibliku ta\u2019 meditazzjoni, fuq l-istil ta\u2019 \u0127ajja monastika li ried jg\u0127ix Santu Wistin.<\/p>\n<p>Il-\u0121nien dejjem lag\u0127ab parti importanti fil-pjan ta\u2019 \u0127ajja g\u0127all-bniedem mhux biss fil-\u0127olqien u l-ewwel esperjenza ta\u2019 Adam u Eva fil-\u0120nien tal-Eden imma f\u2019kull okka\u017cjoni ta\u2019 komunikazzjoni Alla \u0127afna drabi tkellem mal-bniedem fil-\u0121nien. Ma ninsewx ukoll l-importanza fil-\u0127ajja ta\u2019 Ges\u00f9 fil-\u0121nien tal-\u0120etsemani.<\/p>\n<p>S.Wistin kellu wkoll l-akbar \u017cew\u0121 esperjenzi tal-konver\u017cjoni tieg\u0127u fil-\u0121nien:<\/p>\n<p><strong>CASICIACO <\/strong><\/p>\n<p>Il-\u0127abib ta\u2019 S. Wistin , Verekundu kellu villa f\u2019Casiciaco \u2013 barra Milan, fi Brianza u fil-\u0121nien ta\u2019 din il-Villa, Wistin kien ilaqqa\u2019 l-\u0127bieb tieghu , fosthom Verekundu stess g\u0127al dak li sej\u0127ilha \u201cChristianae vitae otium\u201d \u2013(g\u0127a\u017c\u017c nisrani!) fejn jitolbu , jiddiskutu u jimmeditaw flimkien il-Kelma ta\u2019 Alla u fejn ukoll kellu l-esperjenza tal-konver\u017cjoni li jsemmi fl-Istqarrijiet tieg\u0127u.<\/p>\n<p>Baqg\u0127u famu\u017ci d-diskussjonijiet profondi spiritwali u teolo\u0121i\u010bi li kellhom dawn il-\u0127bieb flimkien ma\u2019 S.Wistin. Imma l-\u0121nien ta\u2019 Casiciaco kien strument u pass qawwi g\u0127all-konver\u017cjoni ta\u2019 S.Wistin lejn il-Fidi Nisranija.<\/p>\n<p>Wara l-mewt ta\u2019 Ommu Monika f\u2019Ostia Tiberina, S.Wistin ra\u0121a\u2019 lura lejn art twelidu l-Afrika ta\u2019 Fuq, issa bniedem determinat li s-sej\u0127a tieg\u0127u ta\u2019 Nisrani jg\u0127ixha fir-responsabbiltajiet tag\u0127ha kollha. Kienet sej\u0127a radikali li biddlet \u0127ajtu.<\/p>\n<p><strong>HIPPO <\/strong><\/p>\n<p>Wistin ma kienx jaf jg\u0127ix ming\u0127ajr il-\u0127bieb. Dak li kien g\u0127amel mal-\u0127bieb f\u201dCasiciaco bi t\u0127ejjija g\u0127all-konver\u017cjoni tieg\u0127u issa, wara l-mag\u0127mudija minn Ambro\u0121 f\u2019Milan, ried jag\u0127mlu f\u2019pajji\u017cu stess.<\/p>\n<p>Bena komunit\u00e0 ta\u2019 \u0127bieb fi \u0121nien ta\u2019 fejn kien joqg\u0127od f\u2019Hippo \u2013 Ippona, fejn kienu jg\u0127ixu b\u0127al a\u0127wa, jaqsmu l-\u0121id u dak li jaqilg\u0127u flimkien, jie\u0127du \u0127sieb il-fqar u r-romol, u jitolbu flimkien.<\/p>\n<p>Kiteb regola li saret ukoll ir-regola ta\u2019 \u0127afna monasteri li aktar tard fl-Ewropa u fid-dinja riedu jg\u0127ixu dan l-istil ta\u2019 \u0127ajja, u li g\u0127adha r-regola tal-Ordni Agostinjan u \u0127afna Ordnijiet reli\u0121ju\u017ci fil-Knisja llum.<\/p>\n<p>Dalwaqt jibda l-bini ta\u2019 \u0121nien fuq il-bjut tal-WOW bl-istess ismijiet ta\u2019 Casiciaco u Hippo biex dawk li jixtiequ jimmeditaw aktar fil-kwiet il-Kelma ta\u2019 Alla jsibu ambjent u atmosfera ideali. Se jkun hemm erbg\u0127in pjanta Maltija li tissemma fil-Kotba Mqaddsa u ma\u2019 kull pjanta jkun hemm ukoll il-kwotazzjoni rilevanti. Se tkun atmosfera rilassanti g\u0127all-a\u0127\u0127ar li tista\u2019 dda\u0127\u0127al lil dawk li jid\u0127lu g\u0127aliha f\u2019esperjenza mistika fid-dawl tal-Kelma ta\u2019Alla.<\/p>\n","protected":false},"excerpt":{"rendered":"<p>minn P. Hilary Tagliaferro osa Il-Papa Fran\u0121isku feta\u0127 is-sena tal-\u0126niena fit-8 ta\u2019 Di\u010bembru 2015, fl-istess \u0121urnata li l-Millennium Chapel kienet qed tfakkar il-15-il sena mit-twaqqif tag\u0127ha. B\u0127ala Agostinjani, li din<\/p>\n","protected":false},"author":2,"featured_media":4068,"comment_status":"closed","ping_status":"closed","sticky":false,"template":"","format":"standard","meta":{"_uag_custom_page_level_css":"","site-sidebar-layout":"default","site-content-layout":"","ast-site-content-layout":"default","site-content-style":"default","site-sidebar-style":"default","ast-global-header-display":"","ast-banner-title-visibility":"","ast-main-header-display":"","ast-hfb-above-header-display":"","ast-hfb-below-header-display":"","ast-hfb-mobile-header-display":"","site-post-title":"","ast-breadcrumbs-content":"","ast-featured-img":"","footer-sml-layout":"","ast-disable-related-posts":"","theme-transparent-header-meta":"","adv-header-id-meta":"","stick-header-meta":"","header-above-stick-meta":"","header-main-stick-meta":"","header-below-stick-meta":"","astra-migrate-meta-layouts":"default","ast-page-background-enabled":"default","ast-page-background-meta":{"desktop":{"background-color":"var(--ast-global-color-4)","background-image":"","background-repeat":"repeat","background-position":"center center","background-size":"auto","background-attachment":"scroll","background-type":"","background-media":"","overlay-type":"","overlay-color":"","overlay-opacity":"","overlay-gradient":""},"tablet":{"background-color":"","background-image":"","background-repeat":"repeat","background-position":"center center","background-size":"auto","background-attachment":"scroll","background-type":"","background-media":"","overlay-type":"","overlay-color":"","overlay-opacity":"","overlay-gradient":""},"mobile":{"background-color":"","background-image":"","background-repeat":"repeat","background-position":"center center","background-size":"auto","background-attachment":"scroll","background-type":"","background-media":"","overlay-type":"","overlay-color":"","overlay-opacity":"","overlay-gradient":""}},"ast-content-background-meta":{"desktop":{"background-color":"var(--ast-global-color-5)","background-image":"","background-repeat":"repeat","background-position":"center center","background-size":"auto","background-attachment":"scroll","background-type":"","background-media":"","overlay-type":"","overlay-color":"","overlay-opacity":"","overlay-gradient":""},"tablet":{"background-color":"var(--ast-global-color-5)","background-image":"","background-repeat":"repeat","background-position":"center center","background-size":"auto","background-attachment":"scroll","background-type":"","background-media":"","overlay-type":"","overlay-color":"","overlay-opacity":"","overlay-gradient":""},"mobile":{"background-color":"var(--ast-global-color-5)","background-image":"","background-repeat":"repeat","background-position":"center center","background-size":"auto","background-attachment":"scroll","background-type":"","background-media":"","overlay-type":"","overlay-color":"","overlay-opacity":"","overlay-gradient":""}},"footnotes":""},"categories":[97],"tags":[],"class_list":["post-233","post","type-post","status-publish","format-standard","has-post-thumbnail","hentry","category-hilary-tagliaferro-riflessjonijiet-u-artikli"],"uagb_featured_image_src":{"full":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?fit=1212%2C600&ssl=1",1212,600,false],"thumbnail":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?resize=350%2C350&ssl=1",350,350,true],"medium":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?fit=900%2C446&ssl=1",900,446,true],"medium_large":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?fit=768%2C380&ssl=1",768,380,true],"large":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?fit=1200%2C594&ssl=1",1200,594,true],"1536x1536":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?fit=1212%2C600&ssl=1",1212,600,true],"2048x2048":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?fit=1212%2C600&ssl=1",1212,600,true],"gform-image-choice-sm":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?resize=300%2C300&ssl=1",300,300,true],"gform-image-choice-md":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?resize=400%2C400&ssl=1",400,400,true],"gform-image-choice-lg":["https:\/\/i0.wp.com\/agostinjani.org\/wp-content\/uploads\/2023\/11\/3-Millenium-Chapel-St-Julians-Malta-Photo-Peter-Bartolo-Parnis-FILEminimizer.jpg?resize=600%2C600&ssl=1",600,600,true]},"uagb_author_info":{"display_name":"Super User","author_link":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/author\/allaccess\/"},"uagb_comment_info":0,"uagb_excerpt":"minn P. Hilary Tagliaferro osa Il-Papa Fran\u0121isku feta\u0127 is-sena tal-\u0126niena fit-8 ta\u2019 Di\u010bembru 2015, fl-istess \u0121urnata li l-Millennium Chapel kienet qed tfakkar il-15-il sena mit-twaqqif tag\u0127ha. B\u0127ala Agostinjani, li din","_links":{"self":[{"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts\/233","targetHints":{"allow":["GET"]}}],"collection":[{"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts"}],"about":[{"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/types\/post"}],"author":[{"embeddable":true,"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/users\/2"}],"replies":[{"embeddable":true,"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/comments?post=233"}],"version-history":[{"count":0,"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/posts\/233\/revisions"}],"wp:featuredmedia":[{"embeddable":true,"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/media\/4068"}],"wp:attachment":[{"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/media?parent=233"}],"wp:term":[{"taxonomy":"category","embeddable":true,"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/categories?post=233"},{"taxonomy":"post_tag","embeddable":true,"href":"https:\/\/agostinjani.org\/mt\/wp-json\/wp\/v2\/tags?post=233"}],"curies":[{"name":"wp","href":"https:\/\/api.w.org\/{rel}","templated":true}]}}