Beatu Ġwanni Bono - 23 t'Ottubru

Il-ħajja ta’ Ġwanni Bono nafuha minn żewġ għejun prinċipali, il-bijografija li kiteb S. Antonino ta’ Firenze lejn nofs is-seklu XV, kif ukoll il-proċess tal-beatifikazzjoni (seklu XIII) fejn permezz ta’ numru kbir ta’ xhieda, nafu diversi dettalji dwar il-ħajja u l-ispiritwalità evanġelika li biha għex dan l-eremit tas-seklu XIII. Twieled fl-1168 f’Mantova, u ta’ tfajjel kien diġà orfni minn missieru. Sabiex jaqla’ l-għajxien, fi spirtu avventuruż, beda jdur mal-Italja kollha bħala ġullar, jew buffu, jagħti l-ispettakli fit-triq u jaqla’ x’jiekol milli jagħtuh l-ispettaturi. Ħaġa minn awl id-dinja li din it-tip ta’ ħajja wasslitu għall-ħajja moralment laxka. Ommu, abbandunata, ma qatgħetx qalbha titlob għall-konverżjoni tiegħu. Kien biss wara marda li wasslitu kważi għall-mewt li Ġwanni Bono ddeċieda li jħalli t-tip ta’ ħajja li kien qiegħed jgħix, dar dawra miegħu nnifsu u ddeċieda li jingħata għall-ħajja ta’ penitenza. Beda jitħarreġ, b’ħafna sagrifiċċju, f’ħajja ta’ talb u axxeżi, f’post li għamel għalih qrib Cesena. It-toqol tal-ħajja li kien jgħix qabel kisiblu d-don tad-dmugħ għal dnubietu. Kif jiġri dejjem, meta persuna tħaddan l-Evanġelju bis-serjetà, tibda tħalli l-marka f’dawk ta’ madwarha. Hekk ġara fil-każ ta’ Ġwanni Bono, u fi ftit snin numru ta’ dixxipli nġabru madwaru fl-1217, hekk li ftit wara ffurmaw komunità ta’ reliġjużi fl-1225. Fi sforz ta’ kontroll aħjar mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi – billi kienu bosta dawn il-movimenti ta’ penitenza f’dawk iż-żminijiet – il-Papa Innoċenz IV tahom ir-Regula ta’ S. Wistin bħala stil ta’ ħajja. Sakemm baqa’ ħaj, permezz tax-xhieda ta’ ħajja awtentika u awstera tiegħu, kotru għal madwar għaxra n-numru ta’ kunventi li minnu ispiraw ruħhom. L-eżempju li kien jagħti, minkejja li la kien jaf jaqra u jikteb, kien dak ta’ nisrani bla kompromess, lest li jagħti l-mija fil-mija għal dak li hu ta’ Alla u daqstant ieħor għal dak li hu tal-bniedem, bħala xbieha sabiħa ta’ Alla nnifsu. Għex il-virtujiet tal-fidi, tama u mħabba bl-akbar serjetà. Minn xhieda ta’ żmienu jidher li Alla żejnu bid-don li jwettaq numru ta’ mirakli sabiex jirbaħ għal Kristu diversi xettiċi u dubbjużi. Wara ħajja tant intensa, fejn minn buffu, animatur ta’ ferħ li jintemm mar-riħ, għadda għall-ħajja ta’ penitenza u talb, għajn ta’ hena interjuri, miet fit-23 ta’ Ottubru 1249. Billi beda jħoss li riesaq it-tmien, iddeċieda li jmur iqatta’ l-aħħar ġimgħat ta’ ħajtu f’belt twelidu, Mantova, fejn jinsabu l-fdalijiet tiegħu li f’kull rikonjizzjoni li saritilhom, dejjem instabu intatti. Il-proċess ta’ kanonizzazjoni beda minnufih wara mewtu, iżda ma kompliex minħabba raġunijiet li ma nafux bihom. Kien il-Papa Sistu IV li ddikjarah beatu.

Għalkemm Ġwanni Bono qatt ma kien jagħmel parti mill-Ordni Agostinjan, il-kongregazzjoni li waqqaf hu, imsejħa popolarment Ġjamboniti, ingħaqdet mal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1256, meta għadd ta’ kongregazzjonijiet ta’ natura eremitika saru ħaġa waħda mal-Ordni ta’ Santu Wistin li kien twaqqaf tnax-il sena qabel. Kien għal din ir-raġuni li ssir it-tifkira tiegħu fil-kalendarju liturġiku Agostinjan.

Ġwanni Bono – minkejja li għex ħajja tant differenti u ’l bogħod minn dik ta’ żmienna – jibqa’ eżempju ta’ dik it-trasformazzjoni li sseħħ fil-qalb tal-bniedem kull meta jħalli spazju għal Alla. Hekk kif għamlet fil-qalb ta’ S. Wistin, hekk ukoll fil-qalb tal-B. Gwanni Bono, il-grazzja ta’ Alla ssaffi l-qalb tal-bniedem u twassalha għall-milja tal-ferħ fil-qadi tal-proxxmu.

Fr. Josef Sciberras osa


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.