Ħa jterraq Ġesù Bambin minn qalbi għal qalbekb

Wasalna għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Milied ieħor b’dak kollu li normalment iġib miegħu u anke b’tant esperjenzi oħra li bihom imlejna l-‘bagalja’ tagħna wara sena oħra li għaddiet minn fuqna. Ħsibna li setgħet tkun sena li terġa teħodna lejn in-normalità, imma prattikament qed nerġgħu nispiċċawha bil-qtigħ il-qalb tal-pandemija li biddlet il-fiżjonomija ta’ tant inizjattivi u użanzi tagħna. Kienet ukoll esperjenza li sfidatna kontinwament biex nirriflettu fuq dak li nagħmlu b’mod differenti.

Fost id-diskussjonijiet li f’dawn l-aħħar jiem imlew ix-xena medjatika, kien hemm id-diskussjoni dwar l-użanza tal-purċissjoni tal-Bambin fit-toroq tagħna. Kienu diskussjonijiet li kkonfrontaw il-valuri u l-prattiċi tagħna bħala nsara, mal-kultura, mal-viżjoni politika, mar-restrizzjonijiet tas-saħħa u tant elementi oħra. Kull aspett jilgħab il-parti tiegħu mhux biss fil-prattika tal-affarijiet, imma aktar minn hekk fil-perċezzjoni li kull wieħed jibni tal-argument u tad-diskussjoni li għaddejja.

Lilhinn minn dan kollu - li ftit jiem oħra jgħaddi bħal ħafna dikussjonijiet oħra - nixtieq nipproponi mistoqsija li tajjeb li takkumpanjana f’dawn il-jiem: Ġesù se jterraq fil-qalb tagħna? Ċert li ħafna aktar faċli li nittawwal mill-gallarija jew minn fuq il-bankina u nara l-istatwa ħelwa ta’ Ġesù bambin għaddejja fuq l-ispalla. Ħafna drabi huwa anke aktar faċli li ninvestu fil-loġistika ta’ organizzazzjoni li teħdilna ħafna enerġija, milli nikkonfronta bis-serjetà lili nnifsi. Imma fil-verita’ xi jkun il-Milied jekk Ġesù ma jterraqx fil-qalb tiegħi?

Ilkoll nafu li biex Ġesù jterraq f’qalbna irridu nagħmlulu l-ispazju. Irridu nkunu kapaċi nibdew aħna, u naraw x’inhuma l-affarijiet li nistgħu innaddfu minn qalbna: forsi permezz ta’ ftit umiltà; forsi permezz tal-kompassjoni; forsi permezz tal-maħfra; forsi permezz ta’ ordni aħjar tal-prijoritajiet tiegħi; forsi permezz ta’ rikonċiljazzjoni mad-djufijiet tiegħi innifsi u tal-oħrajn; forsi permezz tal-iskopertà mill-ġdid tal-valuri fondamentali li nħaddan. Santu Wistin diversi drabi jirreferi għall-esperjenza ta’ Alla li jgħammar f’qalbna: “Erġa’ lura f’qalbek u hemm ara x’int taħseb fuq Alla. Għax hemmhekk hemm ix-xbieha ta’ Alla.” (Trat. Ev. Ġw. 18, 10) Ejjew mela nippreparaw merħba sabiħa fis-skiet u l-fond tal-qalb tagħna biex hemm insibu verament lil Alla imwieled għalina. Ejjew nagħmlu l-parti tagħna biex Ġesù jterraq fi qlubna u nieħdu l-impenn li nwassluh minn qalb għal qalb. Dan hu l-akbar rigal li nistgħu nagħtu lil xulxin. Il-preżenza taċ-ċkejken tarbija żgur li tħalli ħafna serenità u paċi fina lkoll!

Din hija x-xewqa tiegħi għalina lkoll reliġjużi u lajċi, b’mod partikolari dawk qrib tal-komunitajiet u l-ħidmiet tagħna. Is-sena li ser nibdew ser iġġib magħha għalina l-Patrijiet Agostinjani Kapitlu Provinċjali li għandu jkun mument ta’ tiġdid. Ejjew nagħmluha fuq kollox it-talba tagħna, reliġjużi u lajċi ħbieb tagħna, li waqt li Ġesù jterraq, inissel fina x-xewqa li naħdmu ġenwinament għat-tiġdid tal-komunjoni ta’ bejnietna. Ħa jterraq Ġesù fil-qalb taż-żagħżagħ tagħna u jnissel fihom il-ħeġġa u l-kuraġġ biex iwieġbu għas-sejħa tiegħu. Ħa jakkumpanjana Ġesù f’kull pass u għażla li nagħmlu. Ħa jterraq Ġesù fostna lkoll, aħna u naqsmu l-mixja tal-fidi tagħna f’kull komunità u f’kull realtà li nservu. Ħa jterraq Ġesù bambin minn qalbi għal qalbek!

Ippermettuli nagħlaq dan il-ħsieb billi nwassal x-xewqat tiegħi u tal-aħwa lil dawk kollha li b’mod jew ieħor huma parti mill-ħidmiet u r-realtajiet tagħna, jew jiffrekwentaw  b’xi mod jew ieħor xi inizzjativa tagħna. Ħsieb partikolari jmur għall-familjari u ħbieb tagħna li llum huma morda. Grazzi mill-qalb tal-preżenza tagħkom u nawgura ħafna serenità u paċi tal-qalb lilkom u l-familji tagħkom.

Fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.