Il-Familja Agostinjana tiċċelebra s-Solennitajiet ta’ Santu Wistin u ta’ Sidtna Marija Omm tal-Konsolazzjoni

Nhar is-Sibt 28 ta’ Awwissu il-Knisja madwar id-dinja u b’mod partikolari l-familja Agostinjana tiċċelebra l-figura ta’ Santu Wistin missierna. Il-Knisja tqis lil Santu Wistin bħala wieħed mill-ħassieba l-kbar tagħha li kien ta’ dawl mhux biss bil-kontribut kbir ta’ kitbiet u priedki li ħalla, u t-tant reliġjużi li tul is-snin imxew fuq il-passi tiegħu, imma anke permezz ta’ esperjenza qawwija ta’ tfittxija ta’ Alla li għex. Il-ġurnata ta’ qabel tiġi ċċelebrata wkoll il-figura ta’ ommu Santa Monika li kienet strumentali fl-esperjenza tiegħu ta’ Alla li kienet sqietu sa minn twelidu.

Il-Familja Agostinjana tiċċelebra l-liturġija solenni ta’ dawn il-festi fil-komunitajiet kollha tagħha imma b’mod partikolari fil-Knisja Parrokkjali tal-Belt Valletta fejn tiġi ċċelebrata bħala festa patronali u dik tal-Belt Victoria f’Għawdex. Filfatt f’dawn il-knejjes ikunu ċċelebrati anke jiem ta’ Tridu, lejlet u nhar il-Festa, dejjem is-Sibt 28 ta’ Awwissu.

Is-Sibt ta’ wara, 4 ta’ Settembru il-Familja Agostijana tiċċelebra imbagħad is-Solennita ta’ Sidtna Marija Omm tal-Konsolazzjoni, bħala padruna tal-Ordni Agostinjan. Fil-jum liturġiku, din is-solennita tkun iċċelebrata fil-knejjes kollha Agostinjani imma partikolarment fil-Knisja tal-Belt Valletta u dik tal-Belt Victorja f’Għawdex. Fil-Knisja Agostinjana ta’ San Mark ir-Rabat imbagħad tiġi ċċelebrata bi programm sħiħ il-ġimgħa ta wara bil-festa tkun is-Sibt 11 ta’ Settembru. Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Konsolazzjoni jew kif nafuha komunament, il-Madonna taċ-Ċintura, hija filfatt devozzjoni ferm antika f’pajjiżna u tiġi ċċelebrata wkoll f’diversi knejjes Parrokkjali partikolarment fejn jinsabu fratellanzi li jġibu isimha.

Programmi sħaħ ta’ dawn il-festi tistgħu issibuhom fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Provinċja jew fuq il-paġni ta’ facebook rispettivi.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.