Messaġġ tal-Milied mill-Pirjol Provinċjali

Jekk il-maskra għattitilna t-tbissima,

agħmel mezz li għajnejk iwasslu l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Ġesù.

 

Ilkoll nafu li ċ-ċentru ta’ dak kollu li niċċelebraw u noħolqu f’dawn il-jiem tibqa’ x-xena tan-natività li tfakkarna f’dik il-ġrajja li seħħet tant snin ilu meta Sidna Ġesù Kristu twieled fl-għar ta’ Betlehem. Għalkemm illum ħafna drabi nħarsu lejha bħala xena pjuttost simpatika, meta wieħed jidħol naqra aktar fil-fond, jirrealizza li mal-ferħ tat-twelid ta’ tarbija, dik il-ġrajja ġarret ukoll tant tbatija, mistoqsijiet u inċertezzi.

Il-Milied li qed niċċelebraw din is-sena, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-lum, sabna qed inġorru forsi sentimenti simili. Qed ngħixu b’tant restrizzjonijiet, uħud minna qed ibatu mill-mard jew mill-biża’, oħrajn jgħixu tensjoni u inċertezza relatati mal-pandemija, imma anke ma’ ċirkustanzi oħra li forsi wieħed ġarrab jew għadu jġarrab fil-ħajja. F’din ir-realtà, bħalma ġara elfejn sena ilu, ser jerġa’ jitwieled Ġesù! U dakinhar bidel l-umanità! Dakinhar Alla sar bniedem għalina! U llum Alla ser jerġa’ jsir bniedem għalina. Illum Alla jixtieq jasal għandna permezz ta’ tant persuni u ċirkustanzi, u jixtieq jasal għand l-oħrajn permezz tagħna! Hekk jerġa’ jsir sinjal ta’ tama għalina lkoll.

L-istedina tiegħi lil kull wieħed u waħda minna hija allura li nagħrfu nkunu nies miftuħa biex nilqgħu t-tama ta’ Ġesù, inħalluha tibdilna, u tħeġġiġna biex inkunu kapaċi nkunu dawl għal ħaddieħor. Din hi bla dubju ta’ xejn parti mill-missjoni tagħna bħala mgħammdin u nies li lesti nħallu l-kelma ta’ Alla tinkarna fina u tibdilna minn ġewwa.

Nawgura li nkunu nies dejjem lesti noħolqu opportunitajiet biex inwasslu lil Ġesù, u dan anke lil dawk li forsi qed insibu diffikultà biex nikkomunikaw magħhom b’mod seren. Jekk il-maskra għattitilna t-tbissima, ejjew nagħmlu mezz li għajnejna jwasslu l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Ġesù. Dan huwa dak li bla dubju ta’ xejn  il-komunitajiet, il-familji, u s-soċjetà tagħna tant għandhom bżonn f’dan iż-żmien aktar minn qatt qabel!

Dan huwa wkoll żmien adattat biex wieħed juri apprezzament lejn xulxin u għaldaqstant nieħu din l-okkażjoni biex f’isem il-provinċja tagħna, nirringrazzja lil dawk kollha li b’mod jew ieħor jikkollaboraw magħna fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna, fl-inizjattivi pastorali u fiċ-ċelebrazzjonijiet li nagħmlu fil-knejjes tagħna. Nawguralkom li l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Ġesù tmiss lil qalbkom f’dan il-Milied, u tkun magħkom u ma’ dawk l-aktar qrib tagħkom matul is-sena l-ġdida.

P.Leslie Gatt OSA

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.