Ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Santa Rita

Ix-xahar ta’ Mejju, għalina l-Agostinjani u għal tant devoti madwar id-dinja huwa marbut mal-figura tar-reliġjuża Agostinjana, Santa Rita ta’ Cascia. Santa Rita għexet fl-Umbria fl-Italja, aktar minn 600 sena ilu, imma l-esperjenzi differenti li l-ħajja laqqagħta magħhom, għamluha figura li tant tappella anke għaż-żminijiet tagħna. Għexet l-esperjenza taż-żwieġ bl-isfidi li ġabet magħha, għexet l-esperjenza ta’ omm u saħansitra tilfet lil ulieda, għexet imbagħad il-ħajja kkonsagrata bħala reliġjuża Agostinjana, u fl-aħħar snin ta’ ħajjitha Alla pprmetta li tinagħqad tant mill-qrib mat-tbatija ta’ Ibnu tant li mirakolożament irċeviet xewka fi xbina. F’dan kollu għexet b’mod erojku il-virtujiet insara partikolarment l-imħabba, il-maħfra, il-fidi u d-disponibilita totali għar-rieda t’Alla.  

Fis-seklu 20, id-devozzjoni lejn din il-qaddisa xterdet mhux biss mal-italja imma f’tant bliet madwar id-dinja. Ir-reliġjużi Agostinjani tul is-snin xerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Ħafna devoti jżommu l-jum tal-ħamis bħala l-jum biex jirrikorru għall-interċessjoni tagħha bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u jitolbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem Alla.

F’Malta ċ-ċentru tad-devozzjoni lejn il-qaddisa hija l-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta. Din is-sena minħabba li t-22 ta’ Mejju ser ikun il-Ħadd, u fil-Belt Valletta ser ikun hemm il-Karnival, il-Festa hemmhekk ser tiġi ċċelebrata nhar il-Ħamis 19 ta’ Mejju. Dakinhar ser jerġa jsir anke l-pelligrinaġġ devozzjonali bl-istatwa tal-Qaddisa li joħroġ mill-Knisja fil-5.30pm, u malli jidħol ikun hemm quddiesa li tibda fis-7.15pm. Il-Pellegrinaġġ deovozzjonali fir-Rabat Għawdex ser isir ukoll il-Ħamis 19 ta’ Mejju, waqt li l-festa fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat għawdex, ser tiġi ċċelebrata xorta waħda l-Ħadd 22 ta’ Mejju.

Il-festa tal-qaddisa tiġi ċċelebrata wkoll fil-knejjes l-oħra Agostinjani.  Is-Sibt 15 ta’ Mejju filfatt tiġi ċċelebrata fil-Knisja ta’ San Nikola f’Ħal Tarxien u s-Sibt 21 ta’ Mejju fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat u fil-Knisja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville. Il-quddiesa tad-9.30am, imxandra fuq TVM u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Knisja ta’ nhar il-Ħadd 22 ta’ Mejju ser issir mill-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Għal aktar dettalji tajjeb li wieħed ifittex il-programm rispettiv, fil-Knisja li hija l-aktar komda għalih biex inkomplu nitolbu flimkien l-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli li tant inħobbu.


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.