Missjoni erojka f’Ruma matul it-Tieni Gwerra Dinjija

Missjoni erojka f’Ruma matul it-Tieni Gwerra Dinjija

Eman Bonnici

Taħt il-gwida tas-saċerdot Irlandiż, Mons. O’Flaherty, ħames Maltin assistew f’ħidma li rat it-tħarrib ta’ madwar 6,500 ruħ. Fost dawk involuti f’katina sħiħa ta’ ħidma attiva b’mod sigriet taħt ħalq in-Nażisti, insibu għadd ta’ Maltin, fosthom tliet Agostinjani.

Fl-10 ta’ Mejju 1940, Benito Mussolini ħabbar li sa mill-għada l-Italja kienet ser tidħol fi gwerra f’alleanza mal-Ġermanja. Saċerdot Irlandiż, dik il-ħabta impenjat bix-xogħol ordinarju tiegħu ta’ kuljum fi ħdan is-Sagra Kongregazzjoni tas-Sant’Uffizzju, ftit basar li l-perjodu belliku kellu jsawwar minnu figura kjavi fl-istorja umana li wasslet għat-tħarrib u s-salvazzjoni ta’ eluf ta’ persuni, b’avventura f’oħra u b’riskju sħiħ mhux biss għal ħajtu, imma wkoll għal ħajjet dawk li kellu jinvolvi miegħu. Biex fi żmien ftit xhur jirnexxielu jħarrab ’il fuq minn sitt elef ruħ minn belt fortement mgħassa min-Nażisti bħalma kienet Ruma, ma setax jaħdem waħdu. Dawk kollha li sabu rwieħhom jaħdmu f’din l-operazzjoni sigrieta kienu jafu b’mod ċar fiex qegħdin jinvolvu rwieħhom u li kemm-il darba jinqabdu, ħniena għalihom ma kienx hemm. Madankollu, il-ħidma tagħhom kompliet u n-nies issuktat tiġi mħarrba u moħbija minn jum għal ieħor, lejl u nhar, kulħadd b’mod u bi storja għalih. Il-Maltin kienu fost dawk li assistew lil dan il-qassis f’ħidmietu. Fil-lista tagħhom, insibu fost l-oħrajn tliet Agostinjani. Din hija l-ġrajja tagħhom.

 

Mons. Hugh O’Flaherty

Bniedem ta’ statura kbira u ta’ karattru ġuvjali, li kellu għal qalbu b’mod partikolari l-logħba tal-golf u seħħlu jilgħab fost l-oħrajn mal-Konti Galeazzo Ciano u r-Re Alfonso XII ta’ Spanja, qabel l-assenjazzjoni tiegħu fis-Sant’Uffizzju, Mons. Hugh O’Flaherty, imwieled Lisrobin f’County Cork, l-Irlanda fl-1898, kien involut f’ħidma diplomatika favur is-Santa Sede fl-Eġittu, il-Ħaiti, Santo Domingo u ċ-Ċekoslovakkja. It-Tieni Gwerra Dinjija wasslitu biex jintefa’ fuq ħidma partikolari: dik li jżur il-kampijiet ta’ priġunieri madwar l-Italja, jiġbor l-ismijiet ta’ dawk miżmuma fihom u aktar tard ixandarhom fuq Radju Vatikan għall-benefiċċju ta’ nieshom. B’ismu jsir rinomat ma’ bosta grazzi għas-smigħ tax-xandiriet tiegħu, f’qasir żmien bosta fittxew l-għajnuna tiegħu wiċċ imb wiċċ: min ried flus, min ikel, min ħwejjeġ, min iwassallu ittra u oħrajn, jaħarbu mill-pajjiż jew jinħbew minn għajnejn l-oppressuri tagħhom. It-talba ta’ dawn l-aħħar żdiedet fuq kollox wara l-Armistizju tat-8 ta’ Settembru tal-1943, meta mal-waqgħa tal-Italja, it-treġija tal-pajjiż ittieħdet minnufih min-Nażisti, li mal-okkupazzjoni ta’ Ruma, ippersegwitaw ħin bla waqt mhux biss lil-Lhud tal-belt, imma wkoll lil tant priġunieri tal-gwerra maħrubin mill-kampijiet miftuħa wara l-iffirmar tal-Armistizju, nies ta’ ġnus differenti, li fittxew l-għajnuna tal-qassis li llum l-istorja ssejjaħ bħala l-“iScarlet Pimpernel tal-Vatikan”.1 Fl-Italja kien hemm dik il-ħabta mat-tmenin elf priġunier alleat imqassma fi tnejn u sebgħin kamp differenti u tnax-il sptar. Fix-xhur li segwew, tmintax-il elf minnhom wara t-tħollija għal riħhom tal-kampijiet, baqgħu ma nqabdu qatt. Matul dan il-perjodu, fi żmien għaxar xhur, sakemm waslet finalment il-Liberazzjoni ta’ Ruma, sitt elef u ħames mitt ruħ, fosthom mal-elfejn ċivil, fittxew u ngħataw kenn minn Mons. O’Flaherty, megħjun minn bosta jdejn oħra.

 

Jidħlu l-Maltin

 L-Ambaxxatur Ingliż għall-Vatikan fil-perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija, Sir D’Arcy Osborne, kellu jassistih fil-ħtiġijiet tiegħu lil ċertu John May, li konxju mill-ħidmiet tiegħu, fittex li jkellem lill-qassis u joffrilu l-assistenza mhux biss tiegħu imma wkoll tal-ambaxxatur innifsu, li ħa ħsieb ikopri bosta mill-ispejjeż meħtieġa minn butu. Fost l-ewwel nies li fittxew għajnuna umanitarja, kien hemm żewġ suldati Franċiżi, li wara li ħabbtu l-bieb tal-Ambaxxata Ingliża, kienu mibgħutin dlonk għand O’Flaherty. Issa ġara li waqt li ċertu Secundo Constantini, Żvizzeru, kien qed jakkumpanjahom, seħħlu jiltaqa’ matul it-triq ma’ P. Awrelju Borg OSA., li kien ħabib tiegħu u li dlonk issuġġerielu jfittex l-għajnuna ta’ ħabiba Maltija tiegħu, is-Sinjura Henrietta Chevalier ta’ 12, via dell’Impero2, appartament nru 9.

 

Henrietta Chevalier

Waħda mill-aktar figuri importanti fil-kors tal-ġrajja kollha, Henrietta Chevalieri, imsejħa “Chetta” mill-ħbieb tagħha, imwielda Tignè fl-1901, kienet marret toqgħod Ruma flimkien mal-familja kollha tagħha wara li żewġha Thomas, impjegat fi ħdan it-Thomas Cook & Son Airlines, ġie ttrasferit b’ħidmietu lejn il-Belt Eterna. Il-mewt ħasditu għal għarrieda ftit taż-żmien wara fl-1939 u Chetta, b’disat itfal imħollija taħt il-ħarsien tagħha, ma kellhiex triq oħra għajr li tibqa’ f’din il-belt, wara li t-tfaqqigħ tat-Tieni Gwerra għamilha impossibli għalihom li jivvjaġġaw band’oħra b’passaport Ingliż. Tali passaport ma damx ma ġab fl-inkwiet lil binha l-kbir li sab ruħu l-ħabs, waqt li t-tifel l-ieħor (il-bqija kienu kollha bniet), irnexxielu jiskansa l-istess xorti ta’ ħuh grazzi għall-fatt li sab impjieg bħala skrivan fi ħdan il-Legazzjoni Żvizzera, fejn kien ukoll jorqod. Hekk tali impjieg ipprovdielu dokumenti diplomatiċi li evitawlu l-arrest u seta’ faċilment iterraq it-toroq ta’ Ruma mingħajr biża’ t’arrest sforz tal-fatt li kien suġġett Ingliż sforz tat-twelid tiegħu f’Malta. Intant, l-omm baqgħet fl-appartament tagħha mal-ħames uliedha bniet, bl-iżgħar waħda dik il-ħabta ta’ tlettax-il sena u l-ikbar ta’ wieħed u għoxrin.

Jum fost l-oħrajn, Paul ċempel id-dar u qal lil oħtu Rosie li inzertat wieġbet it-telefonata biex “tgħid lill-mama li ser inkun qed inġib żewġ kotba ġodda d-dar”. La hi u lanqas ommha ma fehmu x’ried jgħid bih dal-messaġġ, iżda waranofsinhar, feġġ flimkien maż-żewġ suldati Franċiżi msemmija aktar ’il fuq, li ħa ħsieb jakkumpanja huwa stess fuq talba ta’ P. Awrelju. Paul ħa ħsieb jħarraf ’l ommu li dakinhar stess filgħaxija, kellu jmur iżurha Monsinjur li kellu jieħu ħsieb kollox hu. Mal-wasla tiegħu fl-appartament, Mons. O’Flaherty spjega mingħajr telf ta’ żmien is-sitwazzjoni perikoluża li fiha ta’ Chevalier kienu jinsabu sforz tar-rifuġju li kienu qegħdin jagħtu lil żewġ priġunieri alleati. Madankollu mat-tluq tagħhom, fix-xhur li segwew, minkejja twissijiet waħda fl-oħra li kienet tirċievi, Chetta dawret l-appartament tagħha f’rifuġju sħiħ u diffiċli wieħed jgħid kemm nies għaddew minnu sewwasew. Barra s-sitta li kienu, ġieli laħaq kellha disgħa min-nies oħra fid-daqsxejn ta’ post tagħha. O’Flaherty, konxju li f’każ li jinqabdu, ix-Chevaliers kienu jiġu ffuċillati kollha kemm huma bla ħniena, kien jagħmel l-impossibbli biex jevita kwalunkwe gwaj lill-mara u ’l uliedha, waqt li kien jinsisti dejjem mal-ospiti tagħha li f’każ ta’ periklu, l-ewwel assistenza kienet tmur għal din il-familja qalbiena.

Il-‘boys’ hekk għal qalb Chetta, li għalihom issugrat mhux biss ħajjitha imma wkoll dik ta’ wliedha minn jum għal jum, kienu jgħaddu għandha ġranet biżżejjed sakemm isirilhom passaport falz li permezz tiegħu setgħu jivvjaġġaw band’oħra. Il-bniet kienu jieħdu ħsieb jagħmlu x-xirja u minkejja li l-ġirien, b’mod speċjali l-gwardjan tal-blokka appartamenti fejn kellha dak tagħha, xammew li xi ħaġa kienet għaddejja, b’daqstant uċuh ġodda deħlin u ħerġin mingħandha, ħadd m’għamel bsaten fir-roti u kulħadd għażel li jitbaq fommu, jekk xejn, biex ma jsibx ruħu fil-għali. U konxji huma wkoll mir-realtà perikoluża li kienet iddawwarhom, matul dan il-perjodu l-bniet qatt aktar ma ħadu xi ħabiba tagħhom fl-appartament, biex f’każ li n-Nażisti jidħlu fuqhom għal għarrieda, tkun min tkun ma tispiċċax arrestata u aktarx maqtula magħhom inutilment bil-ħtija tagħha tkun biss dik ta’ vittma taċ-ċirkustanza. Eventwalment il-Ġermaniżi bdew iżommu l-appartament taħt osservazzjoni kontinwa u mhux darba u tnejn tawh rejd għal għarrieda, iżda b’xorti tajba, dawk li inzertaw preżenti għand ta’ Chevalier dik il-ħabta, irnexxielhom b’xi mod ta’ kull darba jaħarbu għal fuq il-bjut u jiskansawha. U minkejja dan kollu, Chetta baqgħet tospita f’darha lil dawk kollha li ntbagħtu għandha minn ġimgħa għal oħra.

 

Aktar Maltin

Bl-ammont ta’ priġunieri alleati, Lhud u persuni ċivili jfittxu l-għajnuna kulma jmur dejjem jikber, hekk ukoll kiber iċ-ċirku ta’ dawk involuti f’din il-ħidma umanitarja. Ma’ Sir D’Arcy feġġew il-figuri tal-Maġġur Sam Derry tar-Royal Artillery, imwieled Newark-on-Trent f’Nottinghamshire, l-Ingilterra, dik il-ħabta suldat żagħżugħ, flimkien mal-Logutenti John Furman u Bill Simpson; id-diplomatiku Franċiż, François de Vial; żewġ qassisin minn New Zealand, Owen Snedden u John Flanagan; żewġ aġenti tal-moviment France Libre, François de Vial u Yves Debroise; il-Kaptan N.J. Byrnes tar-Royal Canadian Army Service Corps; il-Konti Sarsfield Salazar tal-Legazzjoni Żvizzera; il-kantanta Irlandiża, Delia Murphy; Molly Stanley, Ingliża, impjegata fis-servizz tad-Dukessa ta’ Sermoneta bħala għalliema ta’ wliedha; Bro. Robert Pace tal-Frères ta’ De La Salle, Malti ta’ Lixandra; l-Agostinjani Maltin P. Awrelju Borg, P. Ugolin Gatt u P. Eġidju Galea; u saħansitra għadd ta’ Komunisti. Fir-realtà, dawn ma kinux l-uniċi protagonisti tal-istorja: il-lista hija ferm aktar twila minn hekk u dawk imniżżlin fiha, min ftit u min ħafna, ta s-sehem tiegħu f’dan il-perjodu kritiku tal-istorja għas-salvazzjoni ta’ ħajjet il-proxxmu tiegħu. Jekk mhux b’mod uffiċjali, il-lista minn wara l-kwinti għandha tgħodd ukoll l-ismijiet tal-Papa Piju XII, tas-Segretarju tal-Istat tiegħu l-Kardinal Luigi Maglione, tas-Sostitut tas-Segreterija tal-Istat, Mons. Giovanni Battista Montini, il-futur Beatu Papa Pawlu VI u Mons. Domenico Tardini, futur Kardinal Segretarju tal-Istat matul il-Pontifikat ta’ Ġwanni XXIII, li jekk uffiċjalment sforz tal-Konkordat tali ħidma umanitarja ma sostnewhiex fil-beraħ, is-sehem tagħhom minn wara l-kwinti kien ukoll wieħed b’saħħtu, bħalma kien dak tan-Nunzju Appostoliku fl-Italja, Mons. Francesco Borgongini Duca.

Kull wieħed minn dawk involuti fl-organizzazzjoni kellu laqam partikolari li introdotti wieħed lill-ieħor, kienu jsiru taħt dan it-titlu biex f’każ t’arrest ta’ xi ħadd minnhom u eventwalità ta’ tortura, ma jinkixef isem ħadd. Hekk Mons. O’Flaherty sar “Golf”, il-Maġġur Sam Derry “Patrick”, Sir D’Arcy Osborne “Mount”, Chetta Chevalier “Mrs. M.”, Bro. Robert Pace “Whitebows”, Dun Owen Snedden “Horace”, John May “Giovanni”, Secundo Constantini “Sek”, P. Eġidju Galea “Sailor” u P. Awrelju Borg “Grobb”.

 

Kuraġġ ta’ sur

Biex wieħed iwettaq daqstant żjarat, iterraq minn post għall-ieħor, iżomm daqstant kuntatti, fejn seta’ minkejja r-riskju għoli li kien kulma jmur qed jinħoloq kontrih, il-Monsinjur fittex dejjem li jmur hu inpersuna fejn ikun hemm bżonn. Iżda bil-Ġermaniżi kontinwament jgħassulu, tali spostamenti minn post għal ieħor bdew isiru għalih kulma jmur aktar diffiċli. Għaldaqstant il-Monsinjur kien jieħu ħsieb jilbes daqqa ta’ ħaġa oħra u daqqa t’oħra, mhux biss ta’ kennies jew bejjiegħ tal-faħam, imma wkoll ta’ soru u saħansitra ta’ uffiċjal Ġermaniż! Rakkont partikolari jsemmi infatti li jum fost l-oħrajn, raġel moħbi minnu fil-Kulleġġ Urban żviluppa appendiċite. O’Flaherty kien pront issellef karozza mingħand uffiċjal għoli tal-Vatikan u ħa lill-marid fl-Isptar Santo Spirito, fejn ra li jiġi fis operat minn kirurgu militari Ġermaniż. Ma’ tmiem l-irkupru tiegħu f’sala mimlija uffiċjali Ġermaniżi, O’Flaherty mar għalih u bil-kalma kollha ħadu lura l-kulleġġ.

 Molly Stanley, li ltqajna magħha aktar ’il fuq, kienet spiss takkumpanja lill-Monsinjur waqt iż-żjarat tiegħu lil dak u lill-ieħor. Dan mhux biss għax kienet taf Ruma fuq ponot subgħajha, imma wkoll għax mexjin flimkien, daqslikieku koppja, kienu joħolqu ferm inqas suspetti. Miegħu Molly wettqet żjarat waħda fl-oħra fi sptarijiet u ħabsijiet. Dan ma kien idejjaqha xejn: il-problema waħdana għaliha kienet li kull darba kien ikollha titħabat biex tlaħħaq mal-passi twal tal-qassis! Fil-Milied imbagħad ħalli għaliha biex tħejji rigal għal dawk kollha li jinzertaw qegħdin jgħaddu dawk il-ġranet moħbija f’xi rokna Rumana.

Hawn tajjeb insemmu li total hekk kbir ta’ nies li fittxew l-assistenza fil-ħtiġijiet tagħhom ma jfissirx li kienu jiġu mħarrba lkoll kemm huma ngħidu aħna lejn l-Iżvizzera. Numru kbir minnhom inżamm mhux biss fil-Vatikan, imma wkoll fil-parti l-kbira tal-knejjes u l-kunventi ta’ Ruma, moħbija f’liema spazju l-binja rispettiva setgħet toffri.

 

Kappler: l-għadu numru wieħed

Tal-kap tal-SS f’Ruma, Kappler ma damx ma xeħet għajnejh fuq Mons. O’Flaherty. Kien jaf sew li l-attivitajiet ta’ tħarrib tal-massa kienu fil-parti l-kbira tagħhom dovuti lejn dan il-qassis Irlandiż. Iżda għalxejn nassas pjanijiet wieħed f’ieħor biex fl-aħħar jaqbdu u jwarrbu min-nofs, għax il-Monsinjur wera li kien stuż żgur aktar minn kemm wieħed ħaseb. Fil-konfront tal-qassis, Kappler ifforma reġim bla ħniena u ż-żewġt irġiel saru avversarji f’logħba reali, b’wieħed ifittex u l-ieħor jistaħba, rivalità tal-biża’ li wasslet għal tentattivi min-naħa tan-Nażisti fuq ħajjet il-Monsinjur, li ppruvaw sew jaħtfuh kif ukoll joqtluh, iżda b’xi mod, irnexxielu dejjem jiskansaha. Iddisprat quddiem dan kollu, Kappler saħansitra offra talja ta’ 30,000 lira Taljana għall-qabda jew qtil ta’ O’Flaherty.

Hekk, b’wieħed impenjat biex jeħles lil dawk fil-ħtieġa u l-ieħor biex jarrestahom, din il-biċċa baqgħet sejra għal għaxar xhur, sakemm mad-daħla tal-Alleati f’Ruma f’Ġunju tal-1944, dlonk arrestaw lill-Kappler, li mgħoddi ġuri minn tribunal militari Taljan, kien issentenzjat għomru l-ħabs.

Mal-wasla tagħhom fil-belt, l-Alleati sabu sitt elef erba’ mija u ħamsa u għoxrin maħrub assistiti minn Mons. O'Flaherty, li da parti tiegħu ħa ħsieb ukoll tal-priġunieri Ġermaniżi, li fittex li huma wkoll jiġu ttrattati kif suppost. Total ta’ ħamest elef Lhudi mid-disat elef u seba’ mija dik il-ħabta preżenti f’Ruma ngħataw kenn mill-Knisja, tlett elef minnhom f’Castel Gandolfo, bejn mitejn u erba’ mija ingaġġati attaparsi bħala membri tal-Gwardja Palatina, u mal-elf u ħames mitt wieħed imqassma f’monasteri, kunventi u kulleġġi diversi. Mat-tlett elef u seba’ mija minnhom inħbew imbagħad fi djar privati. Ma’ dawn insemmu tlett elef disa’ mija u ħamsa u għoxrin persuna oħra li grazzi għal ħidmet O’Flaherty irnexxielhom jevadu l-arrest, li jinkludu fost l-oħrajn elf sitt mija u ħamsa u disgħin Ingliż, tmien mija u sitta u disgħin ruħ mill-Afrika t’Isfel, erba’ mija u disgħa u għoxrin Russu, erba’ mija u ħamsa u għoxrin Grieg, mija u ħamsa u tmenin Amerikan u għoxrin persuna oħra minn nazzjonijiet differenti.

 

X’ġara minnhom

L-istorja tagħna ma tiqafx hawn. Is-snin li segwew raw lilll-protagonisti tagħna fi skali differenti tal-ħajja rispettiva tagħhom. B’rikonoxximent lejn ħidmietu, Mons. O’Flaherty inħatar kmandant tal-Imperu Brittaniku u kien dekorat ukoll minn għadd ta’ pajjiżi oħra, fosthom il-Kanada, l-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika bil-Medal of Freedom. Lil Kappler mhux talli ma nsiehx, iżda talli wara l-għotja tas-sentenza tiegħu, kien ta’ kull xahar iżuru fil-ħabs ta’ Gaeta. Eventwalment, fl-1959, l-ekskmandant tal-Gestapo spiċċa biex tgħammed f’idejn l-avversarju numru wieħed tiegħu, il-persuna waħdana li kienet tmur tarah il-ħabs. Għal O’Flaherty kien hemm ukoll aktarx l-idea ta’ nomina għal nunzju appostoliku fit-Tanzanija mis-Santa Sede, iżda attakk ta’ puplesija wasslu biex iħalli ħidmietu fil-Vatikan u jerħilha lura l-Irlanda, fejn għadda l-aħħar żmien tiegħu għand oħtu Bride Sheehan f’Cahersiveen, County Kerry. Hemm miet fit-30 t’Ottubru 1963 u sab il-mistrieħ tiegħu biswit id-Daniel O’Connell Memorial Church. Il-mewt tiegħu għaddiet kważi inosservata: bil-Konċilju Vatikan II għaddej fl-aqwa tiegħu, l-ebda prelat ma ħa sehem fil-quddiesa funebri tiegħu.

Milqut minn kanċer terminali, fl-1976 Kappler irnexxielu jaħrab minn sptar militari f’Ruma fejn kien rikoverat u rħielha lejn il-Ġermanja tal-Punent, fejn miet f’Soltau fid-9 ta’ Frar 1978. Suġġetti ta’ kotba u dokumentarji diversi, il-figuri tagħhom ġew immortalizzati permezz tal-film “The Scarlet and the Black” tad-direttur Jerry London, li ħareġ fl-1983 b’Gregory Peck fil-parti tal-Monsinjur u Christopher Plummer f’dik ta’ Kappler. Iż-żmien madankollu kien għoddu qabad jagħmel tiegħu sew fuq ħajjet u ħidmet il-qassis u kien biss matul dawn l-aħħar snin li l-figura tiegħu qabdet tingħata tassew l-għarfien mistħoqq permezz ta’ avvenimenti diversi.

B’uliedha kollha mferrxin fi bnadi diversi tad-dinja, Chetta Chevalier irritornat Malta, fejn mietet weħidha fid-9 ta’ Lulju 1973. Sir D’Arcy Osborne miet fl-20 ta’ Marzu 1964, bit-titlu ta’ Duka ta’ Leeds; Mons. Owen Snedden jingħad li kien jispiċċa aktarx promoss bħala arċisqof ta’ Wellington f’pajjiż twelidu u elevat saħansitra għall-Kulleġġ Kardinalizju li kieku l-mard ma żarux sa minn kmieni u wasslu għall-qabar fis-17 t’April 1981 fil-kwalità ta’ isqof awżiljarju tal-istess sede; il-kantanta Delia Murphy mietet fil-11 ta’ Frar 1971 b’aktar minn mitt kanzunetta rrekordjata jkun l-legat tagħha, waqt li l-Maġġur Sam Derry miet fit-3 ta’ Diċembru 1996.

Fil-każ tal-Maltin imbagħad, wara l-gwerra Bro. Robert Pace kien assenjat Ġerusalemm, il-Libanu u eventwalment fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn serva f’Philadelphia, California, Illinois u Washington, DC. Miet fl-iStanford University Hospital fit-3 ta’ Diċembru 1970 u jinsab midfun qalb il-Lasalljani sħabu fiċ-ċimiterju tagħhom fuq Mont La Salle f’Napa, California.

Fejn jidħlu l-Agostinjani mbagħad, P. Awrelju Borg maż-żmien ħalla l-Ordni u s-saċerdozju, waqt li l-Ġirbin P. Ugolin Gatt u P. Eġidju Galea m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni: mogħnija b’intelliġenza partikolari, it-tnejn li huma mexxew b’għaqal u ħila l-Provinċja Agostinjana Maltija u t-tifkira tagħhom illum hija waħda ferm apprezzata. It-tnejn mietu għal għarrieda: P. Ugolin fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fis-7 ta’ Ġunju 1987 u P. Eġidju fl-Isptar San Luqa fit-3 ta’ Jannar 2005.

 

  1. Il-figura fittizja tal-iScarlet Pimpernel inħolqot mill-pinna tal-Barunissa Emma Orczy. Filwaqt li toħodna għal żmien ir-Renju tat-Terrur matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, tirrakkonta l-ġrajja ta’ baruni galanti Ingliż li ħa ħsieb isalva bosta aristokratiċi mill-giljottina. Is-simbolu tiegħu kien dak ta’ fjura sempliċi, l-iscarlet pimpernel (anagallis arvensis). Biex iwettaq tali tħarrib, kien jieħu ħsieb jgħaddi minn trasformazzjonijiet diversi. Da parti tiegħu, Mons. O’Flaherty wkoll seħħlu jgħaddi minn trasformazzjoni għal oħra, għaldaqstant tali laqam huwa aktar minn onorabbli meta jiġi attribwit lejh.
  2. Diġà via dei Monti, illum via dei Fori Imperiali.
  3. F’intervista li saret viva voce mal-protagonist tal-ġrajja ftit xhur qabel mewtu, Paul Chevalier ta lil min qed jikteb il-verżjoni tal-fatti differenti ferm minn kif dejjem miġjuba fil-pubblikazzjonijiet li dehru s’issa. Huwa qal infatti li waqt li kien fi triqtu lejn id-dar wara x-xogħol, kien il-Monsinjur innifsu li akkumpanjat minn “żewġt irġiel ta’ sitt piedi l- wieħed li aktar tard sirt naf li kienu mill-Afrika t’Isfel”, ħa lis-suldati fl-appartament ta’ Chetta u talabha żżommhom għandha sakemm ikun jista’ jittrasferihom band’oħra. Huwa żied jgħid ukoll li l-ewwel Agostinjan Malti involut fil-biċċa ma kienx P. Awrelju, iżda P. Pawl M. Spiteri, li għal xi raġuni l-istorja qatt ma semmiet u li wara l-għajnuna mogħtija min-naħa tiegħu fil-bidu tal-biċċa, ma jissemmiex aktar.

 

Eman Bonnici


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.