Patri Dwardu Fenech – Iben Ħ’Attard Professur tal-Malti u tal-Għarbi

Patri Dwardu Fenech – Iben Ħ’Attard Professur tal-Malti u tal-Għarbi

Kitba ta' Roderick (Rigu) Bovingdon

---

Sfond familjari u familjali:

Qisu lbieraħ, qiegħed inġib quddiem għajnejja, ix-xbieha żagħżugħa ta’ Dwardu Fenech, liebes is-suttana ta’ novizz, bi tbissima ta’ kuntentizza, ixejjer “saħħa” lin-nies tar-raħal. Kien il-Ħadd filgħodu, wara l-quddiesa tal-għaxra. Ġurnata xemxija mill-isbaħ ta’ difa; temp kif jaf jagħti l-ajru Malti fl-istaġuni tar-rebbiegħa, tas-sajf u tal-ħarifa. Ikkalkulajt li s-sena kienet għal xil-1951. Kont għadni daqsxejn ta’ qrempuċu ta’ disa’ snin, tifel ieħor tar-raħal ħlejju tagħna ta’ Ħ’Attard.

            Imwieled Ħ’Attard fl-1 ta’ Ġunju 1933 huwa attenda l-iskola primarja ta’ Ħal Lija, għaliex Ħ’Attard, peress li dak iż-żmien ir-raħal kien żgħir ħafna fil-popolazzjoni - inqas minn elfejn ruħ - ma kienx hemm skola tal-Gvern. It-tfal tar-raħal kienu jmorru l-iskola ta’ Ħal Lija li kienet tiġi preċiż fuq xifer fejn jiltaqgħu t-tliet irħula ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan. L-istudji sekondarji tiegħu għaddiehom fil-Liċeo tal-Ħamrun u tal-Belt waqt li t-taħriġ preparatorju għall-ordinazzjoni tiegħu fis-saċerdozju huwa għaddieh fil-Kulleġġ San Mark, ir-Rabat. Hemmhekk għadda sentejn fil-Filosofija u erba’ snin Teoloġija.

            Missier Dwardu kien tifel mir-raħal iżda ommu kienet mill-Qrendi. Fi żmienhom dawn kienu għaddew xi snin fit-Tuneżija fejn kienu marru jħabirku fil-ħidma biex ifaddlu l-flus u jħejju ħajja aħjar għall-familja.

 

Lejn il-ħajja ta’ reliġjuż:  

            Lil Dwardu kont sirt nafu mhux biss b’tifel tar-raħal iżda kien ukoll wieħed mill-membri tas-Soċjetà Mużewmina; għaqda reliġjuża li jiena wkoll kont nattendi filgħaxijiet ta’ matul il-ġimgħa.

Din ix-xena ta’ Dwardu Fenech ixejjer lin-nies tar-raħal, liebes suttana sewda, huwa u sejjer lejn id-dar wara l-quddiesa tal-Ħadd filgħodu, niftakar kienet laqtitni b’ċerta malinkonija. Għalfejn kien qiegħed ixejjer Dwardu? U fejn kien sejjer dan il-membru tal-Mużew li l-preżenza dħulija tiegħu jiena tant kont drajt; sa anke ħassejtni miġbud ħafna lejh bħala xempju għalina t-tfal għadna tilgħin?

Ħassejt dak il-waqt, taħlita ta’ dispjaċir u ta’ rabja. Is-swied il-qalb tnissel fija għaliex kont sirt inħobbu bħala membru attiv tal-għaqda tagħna, bħala wieħed intimu tar-raħal tagħna, bħala identità fil-komunità ċkejkna tagħna u b’figura ta’ bniedem dħuli, għaqli, kwiet u sieber fil-manjieri tiegħu ma’ kulħadd. U r-rabja tnisslet għaliex immaġinajt li dan il-wieħed minna, kien qiegħed jabbandunana. Rajtu, fil-għajnejn tfulija tiegħi, qiegħed jippreferi l-ħajja t’hemm barra, barra r-raħal wenniesi, mill-ħajja familjari li konna mdorrijin ingawdu bejnietna n-nies ta’ raħal twelidi. Is-sena kienet fl-1951 meta kont bdejt nattendi l-preparatorja tal-Mużew ta’ Ħ’Attard.    

Mur għidli f’dak il-waqt ta’ tfuliti, li bosta snin wara kelli nerġa’ niġi taħt l-ombra tiegħu, għal darbtejn, fl-1981-82 u t-tieni sforz tiegħi matul is-snin mill-1994 sat-98, bi student universitarju.

            Tlaqt niġri lejn id-dar nistaqsi ’l ommi fejn kien sejjer Dwardu. Kien appuntu dak il-mument li sirt naf għall-ewwel darba minn fomm ommi – li għalija, ta’ tifel impressjonanti li kont, kulma kien jitniffes minnha kien vanġelju – li l-maħbub Dwardu kien daħal mal-Ordni tal-Patrijiet Agostinjani biex iħejji ruħu għas-saċerdozju.

U mbagħad, niftakar ukoll, lil ommi tirrakkontali li l-ġenituri ta’ Dwardu kienu emigraw lejn it-Tuneżija bosta snin qabel, fejn kienu għaddew xi snin jaħdmu u jġemmgħu biex meta jerġgħu lura Malta, ikollhom biżżejjed biex jgħajxu familja fil-kumdità.

            Aktar minn darba Dwardu kien irrakkontali kif f’ċertu distrett f’Tuneż li l-isem tiegħu llum insejtu, kienu hemm jgħammru ġemgħa sewwa ta’ Maltin. Fis-snin li huwa kien għadda hemmhekk, jistudja fil-Kulleġġ tal-Patrijiet il-Bojod, fil-belt ta’ Manouba, kien għad fadal ġgajta nisa, ulied ulied il-Maltin tal-bikri li kienu emigraw ’l hemm u li kienu baqgħu jżommu t-tradizzjoni li jilbsu l-għonnella Maltija.

 

Ġebel ma’ ġebel jiltaqa’:

            Kellhom jgħaddu snin kbar wara dakinhar tax-xbieha tiegħu ħiereġ mir-raħal, huwa u sejjer lejn il-kunvent biex jiddedika ħajtu fl-Ordni Agostinjan   meta fl-1981, sewwasew tletin sena wara, bla mistennija, jiena sirt student ta’ dan Dwardu Fenech. Imma din id-darba Dwardu kien laħaq Professur tal-Għarbi u tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

            Appena dħalt fil-kamra universitarja tiegħu għall-ewwel lezzjoni fil-Għarbi, wiċċu ma kien inbidel xejn mix-xbieha li kienet baqgħet stampata f’moħħi minn tfuliti. Għaraftu mill-ewwel u għamilt iżjed kuraġġ li se jkolli lilu b’wieħed mil-letturi tiegħi. U fraħt mhux ftit li wara tant snin mifrudin – hu medhi fl-istudji terzjarji waqt li jiena kont għaddej b’ħajti fl-Awstralja fejn kienet emigrat il-familja tagħna, miftum mill-ħajja Maltija f’Malta bis-safar – kont se nerġa’, sa ċertu punt, nistgħall u nħassel mill-ġdid, ftit mill-esperjenzi ħelwin ta’ tfulitna flimkien; esperjenzi li ma jintesew qatt. 

            Fil-frattemp, matul din il-medda kbira ta’ snin miftumin mill-benna u mill-wens tal-ħajja tagħna fir-raħal ċkejken imma dejjem għażiż għalina s-Saraċini (il-laqam kollettiv tal-abitanti oriġinali ta’ Ħ’Attard), kont naf minn qabel dakinhar bl-istudji li Patri Fenech kien segwa matul dawk is-snin twal ta’ firda minn ma’ xulxin. Għaliex fil-ħeġġa kontinwa u kbira li jiena kelli fija għall-Malti, spiss kont nara ’l ismu msemmi f’xi artiklu jew f’xi kumitat tal-Malti meta kont nirċievi fil-posta d-dar tiegħi f’Sydney, xi kitba letterarja ta’ Leħen il-Malti u ta’ Il-Malti. U tgħidx kemm kont nitkabbar b’dan l-iskular bravu li ħareġ minn raħal twelidi, Ħ’Attard!

 

Il-ħajja studenteska :

Matul il-medda ta’ xi sebgħa u għoxrin sena li matulhom kont osservajt il-progress ta’ Patri Fenech, qabel ma beda jgħallem l-Università, sa ma laħaq professur, kont dejjem insegwi l-kitbiet tiegħu; daqqa ta’ poeżija, oħra xi kitba kritika. Issa kien beda dieħel fil-qalba tal-istudji tal-lingwistika Maltija; l-istudju xjentifiku tal-lingwa tagħna.

            Osservajt lil Dwardu jakkumula numru ta’ gradi universitarji; turija dehrija tal-preokkupazzjonijiet akkademiċi li kien impenja ruħu fihom.

Mis-sena meta qaddes fl-1958 sal-1960 huwa għadda dawk is-sentejn f’Tuneż fil-Kulleġġ tal-Patrijiet il-Bojod. Hemmhekk studja l-Għarbi Klassiku, id-Djalett Tuneżin, l-Istorja Għarbija, l-Iżlamoloġija u d-Dritt Ċivili Tuneżin. Kif temm dan il-kors ta’ studju Patri Fenech tela’ jissokta fi studji oħrajn f’Pariġi. Minn hemm kiseb id-Diplôme de Langue Française u s-Certificat de Traduction Anglaise mill-Istitut Catholique de Paris fl-1959.

            Is-sena ta’ wara Patri Fenech daħal jgħallem l-Università ta’ Malta. Madankollu, minkejja dawk l-istudji kollha li kien għadda, xorta waħda ssokta b’aktar studji avvanzati fid-dinja akkademika. B’hekk fl-1964 iggradwa BA Ġenerali fil-Malti, fit-Taljan u fil-Franċiż u fl-1966 ħa l-BA bl-Unuri fil-Malti u fl-Għarbi. Daqs sena u nofs wara kiseb il-maġisteru bl-MA fil-Lingwistika Maltija.

            Wara kors ieħor ta’ sena jistħarreġ il-Lingwistika u l-Fonetika fl-Università ta’ Reading l-Ingilterra u mbagħad sentejn oħra l-Università ta’ Leeds, ukoll fl-Ingilterra, matul is-snin 1973 sal-1975 nosservawh javvanza iżjed fl-istħarrġ tal-Lingwi Semitiċi. Dwardu Fenech kiseb il-PhD mill-Università ta’ Leeds bit-teżi fuq l-iżvilupp tal-Malti fil-ġurnali kontemporanji. Wara dan kollu ma waqafx hemm. Huwa żied jagħmel sena oħra, ukoll fl-Università ta’ Leeds, jistudja l-Ġermaniż. Fis-sena 1979 b’turija ta’ apprezzament għal ħidmietu fid-dinja akkademika, il-Professur Dwardu Fenech ingħata l-F.R.A.S. (Fellow of the Royal Asiatic Society) mill-Università ta’ Londra b’turija ta’ apprezzament tal-ħidma akkademika tiegħu b’risq il-Malti.

 

Professur tal-Malti u tal-Għarbi :

Meta tħares lejn il-ħajja tal-iskular Patri Dwardu Fenech malajr tosserva li ħajtu kienet mogħnija u mimlija studji bla waqfien. Biss biss, il-kwantità kbira ta’ lingwi li kellu jgħaddi fid-diversi korsijiet li daħal għalihom, temmhom kollha. Kiseb dejjem aktar kwalifiki universitarji, li lkoll flimkien jagħtu xhieda ta’ ħajja ferm ħawtiela ta’ akkademiku sod, bravu, persistenti u ġenwin.

Anka fl-istess kors saċerdotali ta’ żmienu, apparti l-Malti, l-Ingliż, it-Taljan u l-Latin, is-seminaristi kollha kien ikollhom jistudjaw ukoll il-Grieg Klassiku u l-Ebrej (il-Lhudi). Jerġa’, meta mar it-Tuneżija, il-kors kellu jagħmlu bil-Franċiż għaliex dak kien l-ilsien kolt tal-pajjiż.

Fl-istudji li tħarreġ fihom l-Ingilterra, taħt l-influwenza ta’ żewġ skulari rinomati tas-Semitika, il-Professuri Benedikt Isserlin u Colin MacLaurin, wieħed jissoponi li, ftit jew wisq, huwa ta ħarsa lill-ispeċjalitajiet ta’ dawn iż-żewġ skulari kbar. Il-Professur Colin MacLaurin, Awstraljan, kien speċjalizzat fil-lingwa Ugaritika u l-Professur Benedikt Isserlin, Lhudi Ingliż, kien espert fil-Feniċju u l-Puniku. – Mela minn dan kollu wieħed japprezza li l-iskular Fenech, biex laħħaq ma’ dawn l-istudji kollha, kellu jiffamiljarizza ruħu ma’ ġemgħa oħra ta’ lingwi lil hinn minn dawk li kien ġa studja sabiex laħaq l-istat saċerdotali.

Mhux kuntent b’li diġà kien tgħallem huwa kompla ffamiljarizza ruħu mal-Ispanjol biex ikun jista’ jaqra xi testi li kellhom x’jaqsmu mal-interessi akkademiċi tiegħu f’dik il-lingwa. B’hekk dawn il-lingwi lkoll flimkien ilaħħqu mat-tlettax-il waħda. Dan apparti d-djalettoloġija ta’ wħud minn dawn l-istess lingwi bħalma kienu t-Taljan u l-Għarbi. B’din il-ġemgħa sabiħa ta’ lingwi, studjuż tal-lingwa ma jdumx ma jintebaħ kemm kien armat tajjeb il-lingwista Dwardu Fenech biex b’dan it-tagħrif u tagħlim kollu, seta’ ikompli jsegwi l-professjoni ta’ lingwista.

 

Awtur prolifiku :

Fil-ħajja akkademika mhumiex l-ittri li wieħed iġib wara ismu li jixhdulu għerfu; lanqas it-titli ta’ duttur, ta’ professur, ta’ reader jew ta’ fellow! Il-qofol ta’ studjuż, ta’ skular li jiswa mitqlu, lanqas ma jixref fl-ammont ta’ xogħlijiet li jippubblika jew fil-ħxuna tal-kotba li joħroġ. Għaliex fl-aħħar mill-aħħar hija l-kwalità, l-oriġinalità u l-profondità, is-sustanza li jixirfu fil-ġabra totali ta’ ħidmietu, fil-kitba u fil-prattika, dik l-ouevre, li tqejjes il-qofol ta’ għerf il-veru intellettwali!

            Ix-xogħlijiet l-ewlenin li ħarġu minn taħt idejn Dwardu Fenech, l-iskular ta’ Ħ’Attard, jinqasmu taħt tlett irjus: 1.Lingwa u Lingwistika, 2.Letteratura u 3.Patristika.

            Mil-lat ta’ lingwa u lingwistika huwa ta palata sewwa fit-twittija tat-triq għall-istudji fil-Lingwistika applikata fil-Malti fil-ġabra tiegħu Lingwistika Ġenerali. Hekk bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni u xi monografiji oħrajn tiegħu fejn tidħol il-lingwistika, huwa kiseb id-distinzjoni li ismu ssiehem u ssieħeb mal-ftit studjużi kbar ta’ qablu fil-Malti li kien għad kellna sa dak iż-żmien, fosthom Vassalli, Saydon, Cremona u Aquilina. B’dan ix-xogħol biss il-Professur Dwardu Fenech jistħoqqlu jibqa’ konoxxut mal-iskulari l-kbar tal-Lingwistika Maltija fuq teoretika moderna.

            Żewġ xogħlijiet kbar lingwistiċi li ħarġu minn taħt idejh flimkien maż-żewġ skulari kbar Ġużè Aquilina u Benedikt Isserlin, Dwardu Fenech ħejja The Study of Maltese Dialects in the Past u The Phonology of Gozitan Dialectal Maltese; żewġ opri kbar li ħarġu sal-lum dwar id-djalettoloġija Maltija mill-Università ta’ Leeds. Is-sena kienet 1981.

Xogħlijiet sinifikanti oħrajn mil-lingwistiku Dwardu Fenech jinkludu L-Ortografija Moderna; Contemporary Journalistic Maltese; Three Functions of the Dual Suffix in Maltese; Vassalli u Kitbietu u Developments of the Maltese Baby Language.

Fil-Journalistic Maltese… il-Professur Dwardu Fenech wera kif tliet gazzetti Maltin ġo Malta, kontemporanji ta’ xulxin, kienu t-tlieta jużaw forom differenti ta’ Malti fil-ġurnaliżmu tagħhom.

Il-konklużjoni aħħarija ta’ dan l-istudju ewlieni tiegħu kienet illi l-ġurnali tal-Partit Laburista kellhom tendenzi għal ċertu livell ta’ puriżmu fil-Malti waqt li dawk tal-Partit Nazzjonalista kienu jxaqilbu lejn Malti Taljanizzat. Il-ġurnali l-oħrajn kienu dawk tal-Knisja. Dawn min-naħa l-oħra jidher li kienu jtendu lejn Malti ġurnalistiku aktar professjonali iżda b’influwenza Latina-Taljana. Dan ix-xogħol ħareġ fl-1978.

Bil-ħila ta’ dan l-istudju l-iskular Dwardu Fenech wera x-xejra li l-lingwa tagħna kienet qiegħda tieħu, taħt l-influwenza ta’ dawn l-użanzi ġurnalistiċi fuq il-poplu meta jaqrahom.

Fil-ktieb Vassalli u Żminijietu, xogħol analitiku lingwistiku ta’ ċerta bravura, Dwardu Fenech irnexxielu, bi sforz mhux żgħir, joħroġ għall-beraħ, x’kien dak il-kliem Malti li Vassalli kien bi ħsiebu jippubblika fid-dizzjunarju tiegħu, il-Lexicon, iżda li ma laħaqx inkludieh qabel mewtu u mbagħad il-manuskritt kien intilef u baqa’ ma nstabx. 

B’għaqal tal-iskular li kien, f’dan ix-xogħol Dwardu Fenech l-ewwel ma għamel hu li, ta stampa ċara dettaljata tax-xogħlijiet kollha ta’ Vassalli. B’din it-tattika huwa ttama li jħejji lill-qarrej bi sfond sod tal-ħsieb Vassalljan sabiex b’hekk jgħin lill-qarrej jifhem aħjar il-konklużjonijiet lingwistiċi tiegħu dwar l-etimoloġija tal-Lexicon Vassalljan. Dan ix-xogħol hekk interessanti u sinifikanti fl-istudji tal-Malti nħareġ fl-1977.

Insibni nistagħġeb meta nara li din il-ħidma partikolari ta’ Fenech donnha ma tantx impressjonat lil-lingwisti Maltin skont in-nuqqas ta’ interess li ġeneralment intwera lejh. Ingħid hekk għaliex dan l-isforz akkademiku ta’ Dwardu Fenech huwa xogħol ta’ ħidma sfiqa ta’ sabar konsiderevoli, ta’ ċerta reqqa u ta’ analiżi lingwistika, apparti milli biex saret, kellu jkun mhux biss lingwista l-awtur li daħal għaliha, iżda ried ikun ukoll mogħni b’tagħlim u tagħrif ta’ numru ta’ lingwi, fosthom il-Malti antik, il-Għarbi, il-Latin, it-Taljan u rqaqat lingwistiċi oħrajn, bħal ngħidu aħna ċerta familjarità mal-Grieg Klassiku, mal-istoriċità soċjali u storika ta’ żmien Vassalli u ta’ qablu, li jixirfu inti u miexi tul il-medda tax-xogħol Vassalljan. B’risq din il-ħidma unika, Dwardu Fenech witta għall-istudjużi kollha ta’ lsienna, it-triq għal fehim usa’ tal-linja lingwistika ta’ Vassalli.

Punt sinifikanti ħafna li Fenech sata’ saħaq fuqu u baqa’ ma qal xejn f‘dan ix-xogħol hu li fl-Appendiċi Etimoloġika u Komparattiva, jidhirli li x-xogħol tiegħu kien jikber iktar fil-mertu li kieku mat-tifsira Latina ta’ Vassalli huwa reġa’ ta t-tifsira mill-ġdid bil-Malti ħalli juri d-diverġenza semantika li spiss tispikka fil-vokabularju. Għaliex illum wisq aktar minn dari, huma bostana dawk l-iskulari li ma studjawx il-Latin.

Nagħti ftit eżempju biex niċċara l-punt tiegħi. Għall-kelma xxennaq jagħti l-frażi Latina flagro desiderio waqt li b’dan il-verb aħna fil-Malti nifhmu xtaq bi ħrara kbira u/jew miklub għal xi oġġett. Il-frażi Latina ma ssarrafx dan is-sens. Xi eżempji oħrajn, mingħajr ma noqgħod nidħol f’dawn l-irqaqat kollha jinkludu: ruħ li jqabbilha ma’ pneuma, kelma Griega tfisser riħ. Verament li Vassalli fil-Lexicon tiegħu ukoll jagħti din l-istess tifsira iżda fil-Lexicon huwa jinkludi t-tifsira li nagħtuha fil-Malti tal-lum ta’ l-ispirtu (ir-ruħ) li r-reliġjonijiet jemmnu li għandu ġo fih kull bniedem.  F’każi bħal dawn, fejn il-kelma Maltija llum saret arkajka, nifhem li kien xieraq u siewi mhux ftit li kieku Fenech ta spjega ta’ dan. Eżempju simili hija l-kelma bostân fejn Vassalli, bir-raġun kollu, jirrendiha biss bit-tifsira ta’ żmienu. Naħseb hawnhekk ukoll Fenech sata’ spjega l-qedem tal-kelma waqt li jagħtiha tifsira moderna tal-aġġettiv ta’ bosta. F’ġabra kliem ta’ dan il-qedem wieħed jistenna ċerta elaborazzjoni biex b’hekk jiċċara l-ħsieb u fl-istess ħin huwa jgħin qatigħ lill-istudjuż. Fl-aħħar mill-aħħar wara analiżi u riċerka ta’ din ir-reqqa ma kienx imur żmerċ b’din iż-żjieda.

Fl-1984 il-Professur Dwardu Fenech ippubblika trattat dettaljat fuq il-Lingwistika Maltija. Dan kien l-ewwel studju fuq il-Lingwistika Maltija li nħareġ sħiħ bl-irqaqat kollha tal-Lingwistika Maltija wara l-ewwel sforzi bikrija ta’ Vassalli u mbagħad bosta snin wara fl-1955 dak ta’ Aquilina fl-iStructure. Bil-Lingwistika Maltija, Fenech kompla għolla l-istudji ta’ lsienna fuq bażi aktar xjentifika paripassu mal-lingwi l-kbar fid-dinja tat-tagħlim.

 

Il-qasam letterarju :

            Flimkien ma’ żewġ ġabriet poetiċi tiegħu bl-ismijiet Taħt il-Qawsalla Tiegħi u Mad-Daqq tal-Arpa, fil-qasam letterarju huwa kkontribwixxa studju ħafif fuq il-poeżija ta’ Rużar Briffa Rużar Briffa: Il-Poeta tas-Sbuħija (1964) u żewġ ġabriet kritiċi ta’ poeżija Maltija msemmija Wirt il-Muża u Għas-Sejħa tal-Għana.

Fl-istess sena 1977 l-Ordni tal-Patrijiet Agustinjani tiegħu stess ħariġlu l-ġabra ta’ kritika poetika bl-isem Wirt il-Muża bis-sottotitlu Studji Kritiċi Komparattivi. F’din il-għażla mill-aqwa poeti Maltin, Dwardu Fenech xebbaħ għadd ta’ poeżiji Maltin ma’ poeżiji rinomati mir-repertorju ta’ poeti Taljani, Ingliżi, Franċiżi, Griegi u Ġermaniżi.

Aktar kitba poetika tiegħu stess dehret f’diversi rivisti, f’kotba letterarji kif ukoll fl-istampa popolari Maltija.

 

Akkademja Agostinjana tal-Istudji Patristiċi:

Qasam akkademiku ieħor li Dwardu kien imsiehem fih u li forsi ma tantx huwa magħruf  għalih kien il-Patristika.

Barra milli kien impenjat bħala għalliem l-Università ta’ Malta, il-Professur Dwardu Fenech kien imexxi l-Fakultà Akkademika, apparti mill-Università ta’ Malta, fl-Istitut Agostinjan il-Belt Valletta. Din il-Fakultà kellha s-setgħa tikkonferi Diplomi ta’ diversi gradi akkademiċi fuq dawk l-istudenti li kienu jsegwu l-korsijiet tal-Istitut Agostinjan. L-istess Istitut kien joħroġ ġurnal akkademiku ta’ kull sena b’diversi studji u f’bosta lingwi, miktubin minn studjużi tal-Patristika minn madwar id-dinja. Il-Professur Fenech kien l-Editur tal-ġurnal u tabilħaqq il-fundatur ta’ dan l-istitut akkademiku.

            Sehem ieħor ta’ Dwardu fi ħdan l-Istitut kien ta’ amministratur u għalliem. Kien anka jikteb regolarment fil-ġurnal uffiċjali li kien iġib l-isem ta’ Augustinian Panorama. Huma bosta l-kitbiet patristiċi tiegħu li dehru f’dan il-ġurnal. Kienu xogħlijiet ekstra kurrikulari ta’ ċertu analisi, tiftix u riċerka u ta’ taħbil il-moħħ f’linji filosofiċi u teoloġiċi. 

            Fost il-ġemgħa ta’ studji tal-Patristika li huwa ħareġ fl-istampa, insemmi xi ftit mill-aktar sinifikanti li naf bihom jiena. Dawn jinkludu: Santu Wistin u l-Istqarrijiet Tiegħu; De Fide et Symbolo; De Beata Vita; De Doctrina Christiana and Lifelong Education; Ecstasy in St Augustine; Santu Wistin: Pellegrin ifittex ’l Alla u Fid-Dawl ta’ Oriġene.

            Hawnhekk tajjeb li nsemmi xi xogħlijiet akkademiċi oħrajn ta’ Dwardu Fenech li naf bihom jien iżda li s’issa baqgħu biss manuskritti.

Il-qasam li fih kien impenjat mhux ftit bħala l-Professur tal-Għarbi u Kap tad-Dipartiment tal-Għarbi kien dak tal-Istudji Għarbin. Naf li kien ħejja diversi monografiji fuq il-fonetika Għarbija u kellu sensiela ta’ studji fuq l-arkeoloġija Eġizzjana, fuq id-drama Għarbija moderna, oħrajn fuq il-folklor Għarbi, in-novella moderna Għarbija u xi kitba fuq il-poeżija Għarbija. Ukoll għandi f’moħħi li xi mkien kont ilmaħtlu xi kitba fuq il-Lingwistika tal-Għarbi.

Nistħajjel li fil-kunvent tal-Agostinjani l-Belt, fejn il-Professur Patri Dwardu Fenech għadda parti kbira minn ħajtu ta’ reliġjuż, hemm ġemgħa ġmielha ta’ kitbiet tiegħu li, wieħed jittama, almenu jekk ma jinħarġux fl-istampa, dawn ikunu disponibbli għall-istudjużi.

Biss biss naf li teżisti ġabra oħra kritika tal-poeżija Maltija li fiha kien daħħal għadd ta’ poeżiji tiegħi stess flimkien ma’ numru ta’ poeti Maltin oħrajn. Fis-sajf tal-2005 kien għaddieli abbozz tal-istudju dwar il-poeżiji tiegħi. Kienet sorpriża pjaċevoli mhux ftit għalija li l-Professur tiegħi tal-Għarbi u kien ħa tant interess fija li inkludieni f’dik il-ġabra li kien bi ħsiebu jippubblika. Skont kliemu stess lili, kien bi ħsiebu joħroġhom f’volum kritiku ieħor ta’ Għas-Sejħa tal-Għana. Iżda kif jgħid il-Malti, “il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi”; l-għaref skular tal-lingwi, il-Professur Dwardu Fenech li twieled Ħ’Attard fl-1933, ħalla din il-ħajja bla mistennija nhar il-5 ta’ Awwissu 2006.

Tkun wirja ta’ rispett u konoxxenza konsiderevoli min-naħa tal-Ordni Agostinjan Malti li kieku din kellha toħroġ dan il-volum f’ġieħu!

            B’din il-kitba dokumentata tiegħi nittama li almenu Ħ’Attard, ir-raħal nattiv ta’ dan il-professur għaref, jibqa’ jiftakru b’xi ġieħ pubbliku f’ismu billi forsi jsemmi xi lokal tar-raħal għalih taħt l-isem: il-Professur Patri Dwardu Fenech – Lingwista Prim!       

             

Biblijografija

 

Xogħlijiet ewlenin tal-awtur –

 

1964 –  Rużar Briffa, Ġabra Agostinjana ta’ Qari għal Kulħadd – 1, Kulleġġ Santu Wistin, Tarxien

 Mad-Daqq tal-Arpa, Ġabra Agostinjana ta’ Qari għal Kulħadd – 11, Kulleġġ ta’ Santu Wistin, Tarxien

         Taħt il-Qawsalla Tiegħi, Ġabra Agostinjana ta’ Qari għal Kulħadd – 111, Kulleġġ ta’ Santu Wistin, Tarxien

1976 -  In-natura lingwistika tat-traduzzjoni, Edward Fenech, Leħen il-Malti, Għadd 20, Għaqda tal-Malti (Università),  pp.31-32, 1976

1977 -  Developments of the Maltese Baby Language, Orbis – Bulletin International de Documentation Linguistique, Tome XXVI,    No1, Center International de Dialectologie Générale de L’Université Catholique Néederlandaisae de Louvain

1978 –  Contemporary Journalistic Maltese, An Analytical and Comparative Study, E.J.Brill, Leinden

         Three Functions of the Dual Suffix in Maltese, Journal of Maltese Studies, Faculty of Arts, University of Malta

1980 -   Għas-Sejħa tal-Għana, Studji Kritiċi ta’ Poeti tas-Seklu XX, A.C.Aquilina

1981 -  The Study of Maltese Dialects in the Past and The Phonology of Gozitan Dialectal Maltese (with J.Aquilina & B.S.J. Isserlin), A Survey of Contemporary Dialectal Maltese, Vol.1, Leeds University Printing Press

1983 -   L-Ortografija Moderna, Ġabra Agostinjana ta’ Gwidi għall-Istudenti – 1, Kulleġġ Santu Wistin, Pietà

1984 -   Aspetti Stilistiċi tal-Poeżija ta’ Dun Karm, Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar, L-Università ta’ Malta

1987 –  Fid-Dawl ta’ Oriġene, L-Istitut Agostinjan, Fakultà tal-Istudji Patristiċi, Nru.1

Introduzzjoni u Id-Disa’ Ktieb: Minn Milan sa Ostja Tiberina, Santu Wistin u l-Istqarrijiet Tiegħu, L-Istitut Agostinjan, Fakultà tal-Istudji Patristiċi, Nru.2

             Hugolinus M. Gatt u Augustine’s De Fide et Symbolo, Augustinian Panorama, The Augustinian Institute, Faculty of Patristic Studies, No.4

1986 -   Augustine’s De Beata Vita, Augustinian Panorama, The Augustinian Institute, Faculty of Patristic Studies, No.3

1985-  Augustine’s De Doctrina Christiana and Lifelong Education, Augustinian Panorama, Augustinian Institute, Faculty of  Ptristic Studies, No 2

1988, 89, 90 – A Tribute to Paul M. Spiteri, OSA & Ecstasy in Saint Augustine, Augustinian Panorama, The Augustinian Institute, Faculty of Patristic Studies, Nos. 5, 6, 7

1984 -  Santu Wistin: Minn Tagaste sa Milan u Santu Wistin : Pellegrin ifittex ’l Alla, Santu Wistin u Żminijietu, Librerija Preca

1977 -  Vassalli u Kitbietu, Provinċja Agostinjana Maltija

          Wirt il-Muża, Studji Kritiċi Komparattivi, Provinċja  Agostinjana Maltija

1998 - Lingwistika Ġenerali, Studji Lingwistiċi tas-Seklu XX, Provinċja Agostinjana Maltija

 

Leħen il-Malti, Għaqda tal-Malti (Università) :

 

1970 - Il-Ġifen, Nru.14

1971 - Tweġibiet bla Sudisfazzjon fil-Malti u fl-Ingliż, Nru.16

            Il-Kelma fil-Ħsieb ta’ Santu Wistin, Nru.16

         -  Gradi ta’ Verità, Il-Malti, Ġunju, pp. 38-40

1973  - Żmien l-Ispanjoli ta’ Ġè Galea, Il-Malti, Marzu, pp.23-28

1976  - In-Natura Lingwistika tat-Traduzzjoni, Nru.20

          - In-Nissieġa ta’ Dun Karm u La Tessitrice ta’ Giovanni Pascoli, Il-Malti  Ġunju, pp.44-47

1977  - Il-Professur li Bena u Mexxa l-Katedra tal-Malti, Numru Speċjali

 

Il-Malti, L-Akkademja tal-Malti :

 

1957 –  Santu Wistin fil-Ħsieb u l-Qalb ta’ Dun Karm, Settembru-Diċembru

1971 -  Gradi ta’ Verità, Ġunju

1972 -   Ninu Cremona, Marzu-Ġunju

1973 –  Studju fuq Żmien l-Ispanjoli ta’ Ġè Galea – Studju kritiku, Marzu

1976 -  “In-Nissieġa” ta’ Dun Karm u “La Tessitrice” ta’ Giovanni Pascoli, Il-Malti, Ġunju 1976

1979 -  Kontemplazzjoni u Apostolat f’Tagħlim San Tumas ta’ Akwinu, Settembru-Diċembru, pp.28-29

 

Journal of Maltese Studies, Fakultà tal-Arti, L-Università ta’ Malta :

1993 - It-Taqsim Ewlieni tal-Kitbiet ta’ Vassalli, Nos. 23-24

 

Manuskritti mhux ippubblikati :

 

1981 – Il-Fonetka Għarbija

            Il-Folklor Għarbi

1993 – L-Arkeoloġija tal-Eġittu

1993-95 – Novelli Moderni Għarbin

            L-Istudju ta’ l-Għarbi f’Malta

            A Comparative Linguistic Study in the translations of the Gospels according to St John, with special reference to Maltese and Arabic

1981 -  Maltese Religious Terminology of Semitic Origin, Oriental Studies, E.J.Brill, Leiden

 

Kitba f’gazzetti u ġurnali ta’ Malta:

It-Torċa

Il-Ħajja

In-Nazzjon

Il-Mument

Sunday Times

The Times

 

Kitba dwar l-awtur  u/jew kitbietu:

 

1979 - Dwardu Fenech, OSA, Vassalli u Kitbietu, Ġużè Cassar Pullicino, Il-Malti, Marzu-Ġunju, pp.27-30

1997 – Maltese Biographies of  the Twentieth Century, Eds. Michael Schiavone & Louis Scerri, Pubblikazzjonijiet Indipendenza

2004 -  Dwardu Fenech: Lingwista u Lingwistiku, Rodrigu Bovingdon, The Maltese Herald, 14 Diċembru, p.17

2006 -  Rev Dwardu Fenech, O.S.A. (1933-2006), internet

2006 -  Serje Melitensia – Ġabra bijografiji riċerkati ta’ studjużi tal-Malti, Radju SBS, Awstralja minn Roderick Bovingdon

2009 -  Dictionary of Maltese Biographies, Vol.1, A-F, Michael J.Schiavone, Pubblikazzjonijiet Indipendenza

2013 –  Dwardu Fenech: Skular Kbir ta’ Lsienna, Roderick Bovingdon, The Maltese Herald, 16 April, p.8

2013 -   Fil-mewt tal-għaref Dwardu Fenech, Rodrigu Bovingdon, The Maltese Herald, Sydney

           

 

     

Roderick (Rigu) Bovingdon


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.