Ġesù jaħsel riġlejn l-Appostli

Ħamis ix-Xirka

Ġesù jaħsel riġlejn l-Appostli (Ġw. 13:1-15)

Qalb ta’ qaddej

Ftit ġrajjiet fil-Evanġelju juru l-karattru u l-imħabba ta’ Ġesù, hekk ċar daqs din il-ġrajja.

Ġesù kien jaf li kollox ġie mogħti lilu. Kien jaf li s-siegħa tal-umiljazzjoni kienet viċin, imma kien jaf ukoll li s-siegħa tiegħu tal-glorja kienet viċin ukoll.  Dan seta’ għamlu kburi, madanakollu minkejja li kien jaf li s-setgħa u l-glorja kienu tiegħu, huwa ħasel saqajn id-dixxipli. Fil-mument meta seta’ kien supperv, kellu l-ikbar umiltà. L-imħabba hija dejjem hekk.

Ġesù kien jaf li ġie mingħand Alla u li kien sejjer lura għand Alla. Seta’ kellu ċerta disprezz lejn il-bnedmin u lejn l-affarijiet tad-dinja. Seta’ ħaseb li issa ma kellux x’jaqsam iktar mad-dinja, għaliex kien fi triqtu lura lejn Alla. Kien proprju f’dan il-ħin li Alla kien l-iktar qrib tiegħu, li Ġesù niżel l-iktar fil-baxx biex jaqdi lill-oħrajn. Li taħsel saqajn il-mistednin kien xogħol tal-ilsir. Il-ħaġa sabiħa dwar dan kollu hija li l-viċinanza għal Alla, iktar milli firditu mill-bnedmin, ġabitu qribhom iktar minn qatt qabel. Hija verità li m’hemm ħadd li hu l-iktar qrib tal-proxxmu tiegħu minn dak li hu viċin ta’ Alla.

Ġesù kien jaf li ser ikun ittradut. Din il-ħaġa setgħet nisslet fih sentiment ta’ mibegħda; imma minflok ġagħlet il-qalbu tferra’ mħabba ikbar mis-soltu. Il-ħaġa tal-għaġeb hija li iktar ma l-bnedmin jweġġgħuh, iktar Ġesù kien iħobbhom. Hekk għadu jagħmel sal-lum.

“Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?” (Salm 116:12)

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.