Alla kuljum isejjaħ

Kif inħares lejn is-sejħa tas-saċerdozju

Is-sejħat li jagħmel Alla huma sejħat ta’ kuljum u mhux ta’ darba biss. Għalkemm żmien ilu, l-maħbub Alla, għamilli din is-sejħa, huwa ta’ kuljum ikompli jagħmel din is-sejħa u din f’ambjent partikolari, fil-każ tiegħi, is-sejħa tas-saċerdozju fl-Ordni Agostinjan, f’mixja wara Ġesu, fuq il-passi ta’ Santu Wistin.

Nara s-sejħa bħala

biex inkun il-bniedem t’Alla u f’Alla

biex inkun il-bniedem għall-Knisja fid-dinja tallum

biex inkun il-bniedem għall-bnedmin li donnhom bla kwiet ifittxu l-mistrieħ

u dan kollu għax insir nixbah lil Kristu

fejn

qalbi tersaq ma’ Qalbu

qalbi tkun skont Qalbu

ħajti tkun skont Ħajtu

u nkun ragħaj fuq l-eżempju tiegħu, ir-Ragħaj it-tajjeb.

L-immaġini tar-Ragħaj it-Tajjeb hija immaġini li tiġbor fiha s-sejħa tas-saċerdozju għaliha, fejn wieħed jiddjalogu, ikun strument għal għaqda u l-unita, ikun pont bejn il-bnedmin.

Messaġġ li nixtieq inwassal

Għaż-żgħażagħ

Quddiem is-sejħa tal-Mulej, ma nibżgħux...dan Ġesu jgħidilna ta’ kuljum (jingħad li hemm 365 La Tibżgħux fil-Bibbja – waħda għal kuljum)...u għalkemm huwa naturali ħafna u normali li jkollok dubji, mistoqsijiet, u qalbek titħawwad fuq is-sejħa, (jien ukoll kelli) madanakollu, ma nibżgħux nidħlu f’relazzjoni intima ma’ Ġesu. Ħares lejn Ġesu. Ħallih iħobbok. Huwa ser issejjaħ. Is-sorpriżi ta’ Alla huma kontinwi u ħafna sbieħ. Ippruvah lil Mulej. Int speċjali f’għajnejh! Mulej, qalbna ma issibx kwiet jekk ma tistrieħx fik...u din mhux biss hija l-qalb tiegħi biss imma bħala komunita, għaliex qalbna ma tistrieħx, u għalhekk hemm dik it-tfixxija kontinwa għall-Verita’, f’dixxerniment kontinwu.

Għall-ġenituri

Akkumpanjaw liż-żgħażagħ fil-mixja tagħhom ta’ kuljum u fil-mixja ta’ fidi. Kunu qribhom. U wkoll itolbu ħafna għalihom, biex dak li hemm fil-qalb tagħhom joħroġ, u jatu każ ta’ dak kollu, u jwieġbu għal dak li joġgħob lil Alla. Bħala ġenituri u persuni adulti inkunu nies ta’ fidi, nies li qegħdin f’mixja ta’ fidi, minkejja d-diffikultajiet u l-limitazzjonijiet tagħna, biex hekk toħroġ il-vokazzjoni. Nakkumpanjaw f’kull sitwazzjoni liż-żgħażagħ u ninżlu fil-fond tal-affarijiet li qegħdin jgħixu fihom, għax fil-profond hemm l-ispirtu ta’ Alla, hemm il-Verita.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.