Se acabó, (ma hemmx aktar) – P. Luċjan Borg OSA jikteb minn Cuba

Bħal f’pajjiżi oħra, il-Covid-19, jew kif nafuh hawnhekk il-Koronavirus, wasal ukoll f’Kuba, Kellu laqgħa pjuttost bierda għax il-kotra kienet qiegħda taħseb li billi Kuba hija ġżira mhux ħa jolqotha. Għall-grazzja t’Alla ma laqathiex bil-qawwi bħalma laqat diversi pajjiżi. Skont l-aħbar li kienet dehret fuq it-TV kubana, il-Covid-19 daħal ma’ persuna anzjana ta’ nazzjonalità taljana li flimkien ma’ persuni taljani oħra ġew biex jgħaddu ftit jiem ta’ vaganzi f’waħda mill-isbaħ gżejjer tal-Karibe. Aħna lanqas konna nafu li dan l-anzjan li kien isofri minn diversi kundizzjonijiet mediċi disgrazzjatament miet hawn ukoll minħabba l-Covid-19. Ftit wara skoprejna li hekk kif wasal Kuba dan ir-raġel anzjan kien qiegħed joqgħod f’Rent Room żewġ toroq ‘l bogħod mill-parroċċa u l-kunvent tagħna.

Kollox beda għal ħabta ta’ nofs Marzu. Sa dak il-ħin kollox kien normali, in-nies barra, filgħodu tistenna l-karozza tal-linja bil-paċenzja kollha ħalli tmur għax-xogħol,  jew tiġri ‘l hawn u ‘l hemm biex takkwista l-ħtiġijiet tad-dar, fuq kollox biex il-familja jkollha x’tiekol. Mal-medda tal-lejl sa kmieni tal-għodwa tal-għada fit-toroq jew fil-ġonna pubbliċi titkellem, in-nies kienu jidħqu, jkantaw u jiżfnu, bil-mużika għolja kemm tiflaħ. Qed nitkellem minn ħajjitna ta’ kuljum fil-belt kapitali, La Havana.  

Il-grupp tat-taljani, wara li għadda xi jiem f’Havana, telaq lejn il-belt ta’ Santa Clara, daqs 270 kilometru ‘l bogħod minn hawn, u hemm dan ir-raġel anzjan marad u hekk feġġ l-ewwel każ tal-Covid-19. L-aħbar tħabbret fuq it-TV u minkejja din l-aħbar kollox baqa’ sejjer daqs li kieku ma kien ġara xejn. L-awtoritajiet kemm ċivili kif ukoll tal-knisja għall-ewwel ħmistax ma qalu xejn u ma ħarġu l-ebda direttiva. Kienu pjuttost l-istudenti tal-universita ta’ La Havana u tal-Istitut Pontifiċju fejn qiegħed naħdem jien li ħolqu kuxjenza tal-periklu li jġib miegħu l-virus u bdew jitolbu biex jingħalqu l-università u l-Istitut tagħna.

Fil-komunità tagħna agostinjana, billi jien kont għidt dak li kien għaddej fl-Istitut, ħsibna biex  fl-20 ta’ Marzu fl-10 ta’ filgħodu nlaqqgħu l-kunsill tal-parroċċa u nistiednu lil ħutna s-Sależjani li joqgħodu fil-parroċċa ħalli naraw x’nistgħu nagħmlu sakemm il-gvern u l-knisja   iħabbru l-miżuri meħtieġa. Fil-kunsill parrokkjali ddeċidejna li ngħalqu l-knejjes tagħna wara l-aħħar quddiesa tal-Ħadd tat-22 ta’ Marzu. Konna minn tal-ewwel li f’Kuba ħadna dan il-pass. F’dak l-istess jum, wara nofsinhar ħadt sehem fil-kunsill akkademiku tal-Istitut li għalih daħlet waħda mill-istudenti li kienet qed tmexxi il-moviment biex l-Istitut jingħalaq. Hawn ukoll iddeċidejna li t-Tnejn, 23 ta’ Marzu, wara l-aħħar klassi, jingħalaq l-Istitut.

Dak in-nhar konna ferm ottimisti. Ħsibna li kienet tempesta bħat-tempesti tropikali, li jiġu b’qawwa kbira imma jgħaddu malajr ukoll jekk fi ftit ħin jistgħu jagħmlu ħsara kbira u waqt li jkunu għaddejjin trid toqgħod ġewwa u tipproteġi ruħek u darek. Dak in-nhar, jiġifieri fl-20 ta’ Marzu, ħsibna li f’nofs Mejju konna ħa nkunu nistgħu nerġgħu niftħu l-Istitut u kollox jerġa jkompli daqs kieku l-Covid-19 qatt ma għadda minn fuqna. Kemm morna żmerċ u kemm tqarraqna!!

Fl-aħħar kemm il-gvern kif ukoll il-knisja tkellmu u  ħarġu d-direttivi tagħhom. Prattikament ikkupjaw il-miżuri tal-Ewropa, mingħajr ir-rigoriżmu ta’ dawn il-miżuri ewropej, speċjalment dwar il-kwarantina, li hawn, f’Kuba, din il-kelma ftit tintuża; hawn jippreferu l-frażi  aislamiento social  (social isolation) jew terminu aktar spanjol milli kuban ta’ confinamiento (confinement).

Minn jum għall-ieħor kollox ingħalaq, waqaf it-trasport pubbliku fl-ibliet, fl-irħula u bejn l-istess provinċji. Waqa’ skiet kbir, speċjalment fil-ġnien pubbliku li hemm quddiemna. Min-naħa tiegħu l-ministeru tas-saħħa ħa l-miżuri meħtieġa biex jaffronta l-pandemija. Għall-grazzja t’Alla Kuba għandna strutturi ferm tajbin f’dan il-qasam u esperjenza kbira. Filfatt irnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni tant sewwa li s’issa l-Covid-19 ikkaġuna biss 86 imwiet u 2,462 infettati li kellhom jidħlu l-isptar għall-kura. Fil-preżent, il-pandemija hija kkontrollata mija fil-mija. Il-provinċji kollha, barra dik tagħna  ta’ La Havana, jinsabu fit-tielet fażi; imwiet m’hawnx u wieħed jew żewġ infettati jfeġġu fil-ġurnata.

Il-Covid-19 ġab ħsara kbira, imma x’tagħlima kbira ta lill-umanita tallum! Bħalma qal sewwa l-Papa Franġisku fid-diskors Urbi et Orbi tas-27 ta’ Marzu 2020, il-pandemija tal-Covid-19 «kixfet l-vulnerabbilità tagħna u kixfet fil-beraħ s-sigurtajiet foloz u superfiċjali li bihom ħdimna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, ir-rutini u l-prioritajiet tagħna, ...  neħħitilna l-make-up ta’ dawk l-istereotipi [jiġifieri l-mudelli ta’ ħajja li aċċettajna mingħajr lanqas biss staqsejna lilna nfusna x’jiswew] li bihom libbisna l-egos tagħna» li ma jinteressawx rwieħhom, jekk mhux biex jidhru sbieħ u qawwija minn barra.

Fuq kollox il-pandemija tal-Covid-19, ikompli jgħid il-Papa Franġisku, fakkritna li aħna nagħmlu parti mill-istess familja, li aħna lkoll aħwa, u dan il-fatt, jispiċċa jgħid Franġisku, «la nistgħu u lanqas irridu naħarbu minnu». Dan id-diskors tal-Papa Franġisku jiswa l-aktar għall-ġnus tal-pajjiżi għonja tal-Oċċident u b’mod partikulari għall-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq fejn il-bniedem stagħna materjalment u tfaqqar spiritwalment, tneżża minn ruħu biex jidher sabiħ f’ġismu, il-persuna tiegħu saret art niexfa, bla valuri, u wied ta’ superfiċjalitajiet.

X’effett kellha l-pandemija tal-Covid-19 f’Kuba, speċjalment f’La Havana? Bla dubju ta’ xejn hawn tfaqqarna minn barra u materjalment imma mhux il-ġewwieni tagħna u tal-Kubani li magħhom nagħmlu familja waħda. Il-fatt li aħna lkoll aħwa ma intilef qatt. Huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu li l-pandemija faqritna ekonomikament. Fil-preżent la hawn laħam, la ħut, la majjal, fl-istess kampanja ma hemmx ħxejjex u prodotti essenzjali agrikoli oħra, saħansitra lanqas kaxxa sufarini ma ssib!!!

Minn qabel dħalna fil-ewwel fażi, hawn f’La Havana,  meta jasal t-tiġieġ, żejt u prodotti meħtieġa oħra, trid tinkiteb fil-lista, tistenna siegħat twal biex tkun tista’ tidħol fil-ħanut b’qalbek dejjem ittertaq għax mhux l-ewwel darba li xħin tasal int dak li jkun qiegħed jgħasses mal-bieb jgħidlek: se acabó, ma hemmx aktar. Ħmistax ilu waħda mill-parruċċani tagħna rnexxielha tikteb ismi fuq il-lista. Kont in-numru 283. Ħadna ħamest ijiem biex wasalna u konna ffortunati li nixtru borża bit-8 saqajn tat-tiġieġ għal 3 persuni u dawn kellhom iservu sakemm jerġa’ jasal stokk ieħor ta’ tiġieġ!!

Meta f’dan l-artiklu tkellimt mill-kwarantina għidt li l-Kubani ma tantx jużaw din il-kelma u li din il-kwarantina ma kienetx daqshekk iebsa. Ta’ kuljum it-TV javża: quedate en casa (ibqa’ d-dar). Għalxejn, għax il-Kuban ma jissaportix id-dar, irid joħrog barra, jiltaqa’ mal-oħrajn. Għalih li jinfired soċjalment mill-oħrajn jagħmillu swied il-qalb u dieqa. Il-Pandemija xorta ma rnexxiliex żżomm lil Kuban ġewwa fid-dar. In-nuqqas ta’ ikel u ta’ ħwejjeġ oħra kien l-isbaħ skuża biex il-Kuban jeħles ruħu mill-qfil ġewwa d-dar u fih innifsu.

It-toroq qatt ma kienu baħħ. U issa li għadna biss fl-ewwel fażi tar-rekuperazzjoni, it-toroq u l-ġonna reġgħu bdew jimtlew bit-tfal, żgħażagħ u adulti. Il-kant u l-mużika reġgħu bdew jagħtu r-ruħ lis-skiet li għalih il-Kuban mhux imdorri.

Jekk il-bniedem għani oċċidentali permezz tal-pandemja tal-Covid-19 kellu u għad għandu l-okkażjoni li mill-ġdid jirkupra s-sens tal-familja u tas-soċjetà, il-Kuban kellu u għad għandu l-okażjoni li jgħożż is-skiet, speċjalment interjuri, jgħix r-realtà tal-familja mhux biss fil-materjalità tagħha iżda wkoll fil-valuri umani u spiritwali tagħha. Fuq kollox jinbena aħjar f’personalità li filwaqt li tgawdi kundizzjonijiet ta’ ħajja materjali u umana xierqa, tinfetaħ aktar għall-valuri traxxendentali u għall-fidi nisranija. Din hija l-isfida li nħoss li għandna quddiemna, aħna l-Agostinjani f’La Havana,  issa li tqarribna lejn in-normalità ġdida: kemm fil-parroċċa kif ukoll fis-seminarju u l-Istitut pontifiċju P. F. Varela, flimkien mal-Kubani, - tfal, żagħżazgħ u adulti li l-Mulej afdalna f-idejna -, irridu nissieltu biex intejbu l-ġewwieni tagħna u naslu, ukoll jekk imperfettament, biex nibnu knisja u soċjetà aktar denji ta’ umanità u ta’ ħajja nisranija  li jwasslu għall-veru hena tar-ruħ u tal-ġisem. Dan il-veru hena huwa dak li  jintegra l-materjali u l-ispiritwali, l-individwali u s-soċjali f’viżjoni aktar wiesgħa, miftuħa u armonjuża, fejn il-bniedem, bħalma jgħid Santu Wistin, għalkemm fost ħafna diffikultajiet u provi iżda b’ħafna sliem u paċi, jgħix b’impenn kbir ħajtu fuq din l-art bħala pellegrin li riesaq lejn il-patrija vera tiegħu li hija l-ħajja eterna, l-għaqda dejjiema ma’ Alla u l-ġemgħa tal-anġli u tal-qaddisin.

P. Luċjan Borg O.S.A

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.