Bejn Alla u s-sejħa... hemm is-sehem tiegħi u tiegħek!

Ħafna drabi, meta nitkellmu fuq vokazzjoni reliġjuża jew saċerdotali, jew nisimgħu min isemmiha, malajr inqallbu ġo moħħna u nġibu quddiem għajnejna xi żewġ żgħażagħ impenjati f’xi attività tal-knisja, jew xi żewġ abbatini li jidhru bilgħaqal, u donnu nserrħu rasna! Dal-kliem mhux għalina! Kieku jaħasra dawk tajbin! U jekk jgħaddielna minn moħħna nirriflettu naqra aktar, malajr jiġuna mistoqsijiet bħal: min jaf il-Mulej hux qed isejħilhom? Jew min jaf iweġbux? Dan hu kollu tajjeb u dawn iż-żgħażagħ (li illum huma ftit!) għandhom bżonn min jinkuraġġihom imma meta moħħna jieqaf hawn biss, ħafna drabi nkunu qed ninsew li l-pastorali vokazzjonali mhix xi ħaġa indirizzata biss għaż-żgħażagħ li jistgħu jikkunsidraw is-sejħa t’Alla fil-ħajja tagħhom imma għal-kulħadd. Hija tingiża li tniggiżna lkoll, aħna min aħna, fil-Knisja!

Is-suġġett tal-vokazzjonijiet huwa suġġett li għandu jolqotna lkoll aħna min aħna. Meta l-Knisja titkellem dwar il-vokazzjoni reliġjuża u saċerdotali, titkellem dwar realtà li tmissna lkoll bħala nsara. Hekk anke meta bħal nhar il-Ħadd li ġej niċċelebraw bħala Knisja Jum il-Vokazzjonijiet. Mumenti bħal dawn huma opportunità li tiftaħ spunt ta’ riflessjoni li jinkludi lil kulħadd u jgħinna nifhmu x’inhu l-post tagħna jew x’qed nifhmu b’pastorali vokazzjonali. Bla dubju ta’ xejn għalina reliġjużi u saċerdoti hija sejħa biex nevalwaw il-mod ta’ kif qed nippreżentaw dan id-don permezz tal-ħajja tagħna u kif qed noffru sfida u akkumpanjament liż-żgħażagħ tagħna. Għall-insara kollha, nemmen li hija opportunità ukoll biex isibu l-ispazju tagħhom f’dan il-qasam u jagħrfu aktar li din hi missjoni li naqsmu flimkien.

Jekk hemm ħidma vokazzjonali li Kristu jinkoraġixxi fl-evanġelju huwa bla dubju ta’ xejn it-talb, u din hi l-ewwel missjoni li lkoll kemm aħna nistgħu inwettqu: ‘Itolbu mela lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu’. Hija  stedina diretta biex b’sinċerita nwasslu kontinwament it-talba tagħna lill-Mulej għal din il-ħtieġa fil-knisja.

Ma’ din l-isfida, tasal anke l-isfida li kontinwament naħdmu biex noħolqu ambjenti fejn is-sejħa għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali ssib art tajba fejn tista tikber.  Din hi ħidma li għandha  tikkaratterizza l-familja nisranija u allura trid tkun missjoni li tolqot mill-qrib, u b’mod partikolari, lill-ġenituri u n-nanniet li f’idejhom hemm ir-responsabilità li joffru liż-żgħar ambjenti b’saħħithom.

Fuq kollox l-istedina diretta trid tasal għand iż-żgħażagħ. Lil dawn irid ikollna l-kuraġġ li nisfidawhom sabiex jikkunsidraw anke s-sejħa tal-Mulej fost għażliet oħra. Il-Mulej isejjaħ permezz ta’ ħafna modi u jista’ jkun jinqeda anke permezz tagħna biex ngħinuhom jirriflettu bis-sens dwar il-futur tagħhom. Għażliet bħal dawn ħafna drabi huma akkumpanjati minn tant mistoqsijiet li aktar milli tweġibiet ċari, għandhom bżonn ta’ inkuraġġiment, serenità u ħafna smiegħ u akkumpanjament.

Qatt ħsibt, int x’sehem għandek minn din il-missjoni fil-Knisja?

Qatt ħsibt x’inti tagħmel biex jinħoloq ambjent li japprezza aktar is-sejħa għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali?

Qatt ħsibt jekk hux qed titlob biżżejjed għal dan il-għan?

Qatt ħsibt li l-Mulej jista’ jkun qed isejjaħ lil xi ħadd qrib tiegħek biex isir reliġjuż?

U jekk int żagħżugħ jew żagħżugħa, qatt ħsibt li l-Mulej jista’ jkun qed isejjaħ anke lilek?

Jekk dawn il-ftit kliem tħoss li jgħoddu għalik u allura bqajt taħseb fuq dak li tixtieq tagħmel f'ħajtek, tiddejjaqx tiltaqa' magħna billi tikkuntattja lil fr Terence Spiteri osa fuq 21222884 jew email: This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it..

 

Kompli skopri min int...skopri min aħna. 

 

 

Fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.