Imut l-Emm. Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech OSA

Nhar it-Tnejn 30 ta’ Diċembru 2019, wara nofs in-nhar, l-Emminenza Tiegħu, il-Kardinal Prospero Grech, agostinjan, ħalla din id-dinja fi triqtu lejn dar il-Missier.

Il-Kardinal Grech kien għadu kif għalaq l-eta’ sabiħa ta' 94 sena propju lejlet il-Milied. Dakinhar stess ħa sehem fil-quddiesa tal-lejl tal-Milied preseduta mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta' San Pietru. Sal-jum qabel il-mewt tiegħu għex għal tant snin fil-Kulleġġ Internazzjonali Agostinjan, Santa Monika, f'Ruma. Ħalla warajh kotra ta’ persuni sogħbiena għal din it-telfa u grati għal dak kollu li kien u dak kollu li wettaq matul ħajtu.

Il-Kardinal Grech jibqa’ bla dubju ta' xejn imfakkar bħala akkademiku għaref u reliġjuż ħabrieki li ta kontribut kbir lill-Familja Agostinjana u lill-Knisja. Fuq kollox kien bniedem li għaraf inissel tbissima simpatika f'dawk kollha li ltaqgħu miegħu. Nitolbu għal ruħu sabiex il-Mulej jagħtih il-premju mistħoqq għal dak li ħadem għalih matul ħajtu.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija, li tagħha kien iben, tingħaqad mal-Ordni Agostinjan u mal-familjari fin-niket ta’ dan il-mument.

Agħtih Mulej il-mistrieħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi fuqu jistrieħ fis-sliem. Amen.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.