Awguri lil ħutna s-Sorijiet Agostinjani

Matul din is-sena, ħutna s-sorijiet Agostinjana Servi ta’ Ġesu u Marija qed jiċċelebbraw il-125 sena mill-miġja tagħhom f’Malta u allura 125 sena ta’ ħidma f’dawn il-ġżejjer. L-ewwel sorijiet Agostinjani filfatt ġew mill-Italja f’Awwissu tal-1894 u waqqfu komunità f’Ħal Qormi  fejn fetħu l-ewwel skola għat-tfal żgħar.

Il-missjoni tas-sorijiet Agostinjani hija msejsa fuq il-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Fundatriċi tagħhom, Sor Maria Teresa Spinelli kienet tiġbor tfajliet li ma kellhomx aċċess għall-edukazzjoni fi Frosinone fl-Italja u eventwalment fetħet l-ewwel skola pubblika. Kienet ix-xewqa tal-istess Fundatriċi sa mill-bidu li l-kongregazzjoni tinbena fuq spiritwalita Agostinjana u dan jimmarka r-Rabta bikrija tal-kongregazzjoni mal-Ordni ta’ Santu Wistin.

Dan kien il-bidu ta’ tant snin ta’ ħidma mhux biss fl-Italja u f’Malta imma f’tant pajjiċi madwar id-dinja. Il-kontribut tal-aħwa Maltin li llum jgħoddu madwar mija, huwa strumentali anke fil-ħajja internazzjonali tal-istess Kongregazzjoni.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjoninijiet li qed isiru matul din is-sena l-Ħadd li għadda, l-Arċisqof iċċelebra Quddiesa ġiet organizzata ġurnata ta’ attivitajiet li bdiet b’quddiesa preseduta mill-Arċisqof ta’ Malta. Kienet ġurnata li ġabet flimkien lis-sorijiet ma tant kollaboraturi tagħhom u studenti tal-passat u ta’ llum li gawdew mill-impenn ma jaqta xejn ta’ dawn is-Sorijiet.

F’isem l-aħwa tal-provinċja tagħna nawguraw lil ħutna s-Sorijiet ħafna aktar ħidma fl-għalqa tal-Mulej u fil-familja tagħna Agostinjana.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.