P. Alejandro Moral Anton jerġa jiġi elett Pirjol Ġenerali

Matul dawn il-jiem madwar mitt rappreżentant tal-Ordni Agostinjan għadhom għaddejjin bid-diskussjonijiet dwar il-preżenza tagħna fil-knisja u fid-dinja. Nhar it-Tnejn 9 ta’ Settembru l-jum beda bil-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu u wara, l-aħwa nġabru fl-awla kapitulari fejn saret l-elezzjoni tal-Pirjol Ġenerali. B’kollox kien hemm tmenin membru Kapitulari li kellhom id-dritt tal-vot.

P. Alejandro Moral Anton reġa ġie elett bħala Pirjol Ġenerali  għas-sitt snin li ġejjin. Filfatt dan ser ikun it-tieni mandat tiegħu wara li kien ġa qed iservi f’dan l-uffiċċju sa mill-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2013. P. Alejandro huwa Spanjol u qabel serva f’diversi uffiċċji kemm fil-Provinċja tiegħu u anke fuq livell ta’ Ordni. Mal-aħbar tal-elezzjoni, l-membri Kapitulari nġabru fil-kappella fejn saret it-tħabbira uffiċjali, ittieħed il-ġurament tal-ħatra, tkanta l-innu ta’ Radd il-Ħajr u waqt il-kant tal-Innu lil Santu Wistin, kull reliġjuż preżenti ta’ t-tgħannieqa tal-paċi lill-Pirjol Ġenerali elett.

L-Erbgħa imbagħad ġew eletti l-uffiċjali tal-Ordni fuq suġġerimenti tal-Istess Pirjol Ġenerali. P. Joseph L. Farrell li huwa Amerikan kien ikkonfermat bħala Vigarju Ġenerali tal-Ordni. L-Ewropa ser tkun rappreżentata minn żewġ kunsilliera: P. Luis Marin de San Martin li huwa Spanjol u P. Paul Graham li huwa Ingliż. Il-membri l-oħra tal-Kunsill Ġenerali huma: P. Anthony Banks (Awstraljan), P. Edward Daleng (Niġerjan), u P. Alexander Lam (Peruvjan). P. Pasquale Di Lernia (Taljan) ser ikun is-Segretarju Ġenerali, P. Franz Klein (Ġermaniż) l-Ekonomu Ġenerali u P. Edward Daleng (Niġerjan) il-Prokuratur Ġenerali.

Minn qalbna nawgurawlhom ħidma fejjieda b’risq il-familja tagħna Agostinjana waqt li nwegħduhom it-talb tagħna.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.