Augustinian Youths in Taize

Bejn it-3 u l-10 ta’ Settembru, il-grupp ta’ żgħażagħ agostinjani ingħaqad mal-komunità tal-patrijiet f’Taize (Franza) biex jagħmel esperjenza ta’ talb, fidi u komunità flimkien ma’ żgħażagħ oħrajn minn pajjiżi differenti li qegħdin jagħmlu l-mixja fil-fidi tagħhom.

 

(Ritratt James Pizzuto)

Uħud minn dawk li ħadu sehem f’din l-esperjenza qegħdin jaqsmu magħna l-ħsibijiet tagħhom.

 

Fr. Franco Grech osa

L-esperjenza tiegħi f’Taize’ kienet esperjenza ta’ Alla bħala ġmiel. Il-presenza ta’ Alla kienet tinħass f’dak kollu li hu Taize: il-ġmiel tal-kampanja mill-isbaħ; il-ġmiel tal-ħajja f’ Taiże fejn titgħallem, titlob, tiddiskuti, u sservi; il-ġmiel li tiltaqa’ ma tant nies ġejjin minn ambjenti differenti ta’ pajjiżi, denominazzjonijiet nsara, etajiet differenti, u nies bi bżonnijiet differenti; il-ġmiel tal-komunita’ tal-Brothers, li kellna x-xorti li nsiru nafu mill-qrib, għaliex konna mistednin fil-kunvent tagħhom darbtejn...Brothers ta’ denominazzjonijiet nsara differenti li minkejja l-varjeta’ tal-background tagħhom isibu l-mod kif jgħixu l-ħajja komunitarja flimkien fit-talb u fix-xogħol, u huma ta’ ispirazzjoni għal tant mijiet ta’ żgħażagħ li jżuru Taize; il-ġmiel tal-mumenti ta’ talb fil-knisja...mijiet ta’ nies differenti jitolbu flimkien, il-kant sabieħ, il-lingwi differenti, il-ġesti liturġiċi u para liturġiċi sinifikattivi, u fuq kollox il-mumenti ta’ skiet profondi, fejn minkejja dawk in-nies kollha, jekk taqa’ labbra tismagħha, u l-mod kif it-talb magħmul b’mod li dawn il-mumenti ta’ skiet ikunu sinifikkattivi; u fl-aħħar, imma mhux l-inqas, il-ġmiel tal-grupp ta’ żgħażagħ agostinjani maltin li tlajt magħhom, flimkien ma’ Fr. Terence u Fr. David....li għamlu din l-esperjenza għalija waħda unika u li ma ninsa’ qatt.

 

Maria Theresa Portelli

Kieku kelli niddeskrivi l-esperjenza tiegħi f’Taize f’erba’ kelmiet ngħid li kienet waħda rikka ħafna u unika.  Din l-esperjenza għamiltha kemmxejn differenti mill-oħrajn għaliex għażilt li l-ġimgħa li għaddejt hemmhekk nagħmilha f’irtir fis-silenzju.  Kont nattendi għat-talks ta’ kuljum li wieħed mill-Brothers ta’ Taize jagħmel u nippareteċipa fit-tliet mumenti ta’ talb komunitarju li jkun hemm matul il-ġurnata.  Il-bqija tal-ġurnata kont imbagħad ngħaddiha fit-talb u l-meditazzjoni.  Il-Mulej kellimni b’diversi modi – bil-kant tal-Brothers li tant daħal f’qalbi;  bis-sbuħija tan-natura;  bis-sempliċità tal-post;  b’tant żgħażagħ miġbura minn kull naħa tad-dinja ... Kienet esperjenza ta’ Knisja Nisranija universali b’nies ta’ twemmin nisrani differenti magħqudin flimkien fit-talb, kif ried Br Roger – il-fundatur tal-Komunità ta’ Taize.  Ħadt gost ukoll li sirt naf tliet Agostinjani Maltin li ħadmu mhux ftit għalina biex din l-esperjenza tirnexxi sew.  Inħeġġeġ żgħażagħ oħra biex meta tiġihom l-opportunità li jmorru Taize jaħtfuha.  Jien ħallejt parti minn qalbi hemmhekk biex nerġa’ mmur!

 

Malcolm Saliba

Nirringrazzja lil Mulej ta’ din l-esperjenza f’Taizé!  Matul din l-esperjenza komplejt niskopri kemm il-Mulej iħobb lil kull wieħed minna b’imħabba speċjali u partikolari. Permezz ta’ din l-imħabba, wieħed malajr iħossu milqugħ ġewwa Taizé u li jagħmel parti minn kommunita waħda minkejja li lkoll ġejjin min-nazzjonijiet differenti. Din l-għaqda tinħass ħafna matul il-ħin tat-talb. Il-kant ta’ Taizé għenni biex inkompli nikber fir-relazzjoni tiegħi mal-Mulej biex b’hekk inkun nista’ niddi d-dawl tiegħu mhux biss f’Taizé imma fil-ħajja ta’ kuljum. Matul il-ġurnata kien ikollna workshops interessanti fejn wieħed ikun jista’ jaqsam l-esperjenza tal-fidi tiegħu. Din hi esperjenza unika għaliex wieħed ikompli japprezza l-fidi u jitgħallem min-nies tal-istess età li ġejjin minn kulturi differenti. Il-fidi tagħna m’għandhiex tkun meqjusa for granted imma hu l-impenn tagħna li nġedduha ta’ kuljum. Nirringrazzja wkoll lill-grupp sabiħ li fih kont parti minnu minn Malta. Konna ta’ għajnuna għal xulxin f’kull mument biex naqsmu l-ferħ u l-imħabba ta’ Alla bejnietna. Nirrakomanda din l-esperjenza għal dawk kollha li jixtiequ jikbru fil-fidi tagħhom u fir-relazzjoni tagħhom mal-Mulej.

 

Daniela Pace

They say that travel is the only thing you buy that makes you richer. Well, this was my third time in Taizé and I can honestly say that Taizé is proof of this. However, this time, I experienced something different. Taizé is also a place that allows a person to feel things deeply inside their hearts and experience a very intimate relationship with Christ. It’s that kind of relationship that, given our very hectic and busy lives, we have to really work hard for if we want to keep it alive every moment of every day. I also got the chance to appreciate so much more that everyone has his/her own story to tell and that every day is an opportunity to celebrate anyone who crosses our paths because everyone is special and unique in the eyes of God. There’s a very powerful and warm atmosphere of peace and joy in Taizé; something that I hope to carry with me every day of my life. I’m so grateful to have had this opportunity in my life and I intend to pass on the simplicity of the Taizé community wherever I go. 

 

Ma Bro Francis

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.