Messaġġ tal-Provinċjal fil-bidu tal-Pontifikal tal-Biċentinarju tal-Provinċja

Messaġġ tal-Provinċjal fil-bidu tal-Pontifikal tal-Biċentinarju tal-Provinċja: 14 ta’ Settembru 2017 

Kon-Kattidral ta’ San Ġwann - Malta

Eċċellenza u maħbub Mons Arċisqof

Eċċellenza Nunzju Apostoliku Mons Alessandro D’Errico

Eċċellenza Mons Mario Grech – Isqof ta’Għawdex

Eċċellenza Mons Pawlu Cremona – Arċisqof Emeritu

Vigarji Ġenerali taż-żewġ Djoċesijiet, ħuti saċerdoti, ħuti lkoll.

 

Għażiż Missier,

Il-Provinċja Agostinjana Maltija -  u magħna tant aħwa oħra li bħalna jġorru f’qalbhom il-ħolma ta’ Santu Wistin - illum tinsab madwarek biex trodd ħajr lil Alla l-Missier, fl-okkazjoni tal-Bi-Ċentinarju tat-Twaqqif tagħha – ezattament f’dan il-jum tal-14 ta’ Settembru tal-1817 - mitejn sena ilu! Fil-verita’, kif taf tajjeb inti, l-preżenza Agostinjana hija ħafna iktar bikrija, meta tqis li l-karizma tagħna ilha tgħix fi xtutna sa ma tmiem is-seklu XVI.

Meta xtaqna li nfakkru din il-ġrajja, ridna li dan ma jkunx sempliċiment anniversarju ta’ dati, jew ta’ xi ‘awtonomija’ li ksibna, imma ridna fuq kollox, li dan jkun mument iehor qawwi biex infakkru l-ħolma ta’ Santu Wistin: ħajtu, l-esperjenza tiegħu, dak li emmen, dak li għex u għallem, il-mixja li għamel fih nnifsu u ma’ oħrajn...dawn kollha nixtiequhom jibqgħu jgħixu. Xtaqna li dan ukoll jkun mument ta’ grazzja u ta’ stimolu ġdid għalina lkoll.

Illum inħarsu lura...lejn dak li Alla għamel fina u permezz tagħna. Mhix ħarsa ta’ nostalġija... bil-maqlub, hi iktar ħarsa ta’ ringrazzjament u ta’ barka. Nagħraf kemm fil-passat tagħna kien hemm aħwa fostna li ngħataw, taw ħajjithom kollha f’artna u barra minn xtutna, kemm dawl, kemm ġenerożità, kemm sagrifiċċji fis-skiet, kemm xhieda sabiħa u qaddisa, kemm fedelta’ u servizz. Fost dawn il-ħajja ta’ Fra Grazzja Gauci OSA li f’din l-aħħar sena u nofs bdejna l-kawza tiegħu. Nagħraf kemm ħutna stinkaw, kemm baqgħu sodi quddiem kull saram, kemm afdaw fl-abbundanza tal-Providenza ta’ Alla. Nemmnu li llum dawn ħutna kollha qed igawdu lil Dak li biex tarah “jeħtieġlek is-skiet” (Kummentarju tal-Vanġelu ta’ San Ġwann 17,11).

Imma nħares lejna llum u lejn dak li nixtiequ nkomplu nkunu fil-ġejjieni. Inħares lejn ħuti kollha u lejn tant persuni li magħna jaqsmu u jgħixu l-istess ideal. U għadni nara tant imħabba, passjoni kbira, entuzjazmu u ħeġġa bla limiti. Għadna bennejja ta’ komunitajiet..forsi bla storbju..kif għandu jkun...imma ż-żerriegħa hemm hi..nagħrafha... u naf li Alla Sid il-ħsad, għad jkompli ikabbar meta u kif jaf hu l-aħjar. Nara fil-komunitajiet tagħna xewqa kbira li jkun hemm adorazzjoni vera u awtentika lejn Alla u lejn xulxin. L-istess kif nara fostna impenn qawwi u dinamiku ta’ servizz ġeneruż lejn tant persuni, f’bosta postijiet u okkażjonijiet.

 

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta..aħna:

  • Nservu fil-qasam edukattiv mill-Pieta u mill-Marsa fejn illum nilħqu madwar 1000 familja kull sena bejn studenti u edukaturi. Ilna naqdu f’dan is-settur għal dawn l-aħħar 170 sena (mis-sena 1848).
  • Nservu mill-Komunita tal-Belt fejn f’dawn l-aħħar 50 sena għandna l-Parroċċa ta’ Santu Wistin.
  • Nservu mill-komunitajiet ta’ Paceville u tas-Swieqi fejn għandna l-esperjenza sabiħa tal-Millennium Chapel u hemm naħdmu ma’ tant nies - maltin u barranin - li qed jagħmlu tfittxija f’ħajjithom, kif wkoll noffru esperjenzi ta’ formazzjoni ħolistika u ngħinu fil-qasam soċjali u ta’ djakonija.
  • Nservu mill-Komunita’ tar-Rabat – li hi d-Dar Provinċjali. Dan hu post li fih żewwġina l-aspett kulturali u l-patrimonju rikk li joffri l-post minnu nnifsu, ma esperjenzi ġodda u ta’ ħajja, fosthom il-post li pprovdejna għal familji refuġjati. Minn dan l-istess kunvent aħna naqdu lill-Provinċja, nilqgħu żgħażagħ li magħna jiġu jagħmlu esperjenzi vokazzjonali u ta’ dixxerniment, noffru spazji għal tant mumenti ta’ djalogu, inservu l-komunita’ tal-Buskett, u kif taf ukoll tajjeb int, minn dawn l-aħħar tliet snin, bdejna is-servizz tagħna fiz-zona pastorali tal-Baħrija – esperjenza ta’ tant entuzjazmu u evanġelizazzjoni friska. U ta’ barka.
  • Nservu f’Ħal Tarxien fejn hemm ukoll issa, għal tant snin twal ilna noffru servizzi pastorali fokondi ħafna u ħidmiet oħra fl-Oratorju li fih jintlaħqu faxex diversi ta’ nies minn żgħar sa kbar.

Dawn huma l-postijiet /il-binjiet ..imma li għal grazzja ta’ Alla minnhom għarafna dejjem tul is-snin, noħolqu ‘proċessi’ u ‘spazji’ ta’ ħajja ġdida. Il-Provinċja issa ilha snin twal, fost affarijiet oħra, impenjata bis-sħiħ fil-qasam tal-istudju u l-kultura, partikolarment bl-Istitut Agostinjan u ċ-ċentru għall-Istudji Agostinjani u r-Riċerka tal-Provinċja, li frott tiegħu tul is-snin ħriġna tant xogħolijiet ta’ Santu Wistin bil-malti, u saru u baqgħu jsiru kull sena, tant mumenti ta’ formazzjoni fuq l-ispiritwalita’ agostinjana u studji patristiċi. F’din l-aħħar sena biss ħarġu mill-Provinċja 14 il-pubblikazzjoni u nehdejna l-iniżjattiva ġdida ta’ ‘Djologi Agostinjani fit-Toroq tal-Ħajja’. Aħwa oħra mbagħad fil-Provinċja huma impenjati bis-sħiħ fuq kull front fis-servizz li nagħtu lill-Knisja:  (a) Hemm it-tħejjija u l-formazzjoni li nipprovdu lill-gruppi li gaħl dawn l-aħħar 23 sena tellajna kull sena biex jagħmlu esperjenzi missjunarji fil-Brazil, fil-Kenya u fil-Mozamibque, (b) hemm l-aħwa li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ...ministeru sabiħ ħafna li nservu fih kemm individwalmenu kif ukoll bħala komunita’ provinċjali, (c) hemm il-ħidma pastorali li naqdu fl-iskejjel kemm tal-Knisja u tal-istat bħala Diretturi Spiritwali; (c) hemm id-diversi inizjattivi soċjo-edukattivi li ilna issa snin nagħmlu u noħolqu; u hemm mbagħad (d) aħwa oħra li huma mpenjati fil-qasam tat-tagħlim, fl-Universita’, fil-predikazzjoni, fl-irtiri, f’mumenti ta’ formazzjoni, f’direzzjoni spiritwali, f’counselling, u f’esperjenzi ta’ life coaching fid-diversi kuntatti personali u seminars li nipprovdu. Ninsabu mpenjati wkoll biex immexxu liturġiji u mumenti ta’ talb  li fihom tisboq is-sbuħija, is-sempliċita’ u l-kreajjtivita’ u dan mhux biss b’għażla ta’ fidi profonda imma wkoll fid-dawl tax-xenarju f’pajjizna li nbidel drastikament. Ngħinu wkoll tant persuni fil-bżonn minn kull latt u rajna li dejjem qsamna dak li għandna ma’ ħaddiehor..anke dan fis-skiet u b’ġenerozita’. Matul is-snin offrejna wkoll binijiet tagħna b’xejn għal ħidmiet u istituzzjonijiet ta’ karita’. Għalija jibqa profondament sabiħ il-mod, kif b’mod naturali dejjem konna hemm għal xulxin u kemm minkejja n-numru tagħna, noffru li nwieznu lil xulxin fid-diversi ħidmiet u appostolati tagħna. Dan id-don ta’ għotja totali hi rikkezza kbira li għandna fostna!  

Irrid ngħid, li għamilna u bqajna ninvestu f’dawn l-għażiet kollha, flimkien ma’ affarijiet oħra li nixtiequ nesperimentaw fis-snin li ġejjin, fid-dawl ta’ dixxerniment kontinwu – din tinkludi l-għarfien umli ta’ dak li hu essenzjali, dak li għadda u dak li rridu niżirgħu u nwelldu -  biex il-Provinċja tagħna tkompli dejjem taġġorna u ssaħħaħ l-karizma interna u l-istrateġija pastorali għas-snin li ġejjin fl-isfond tal-prijorità tal-Evanġelizzazzjoni, li tagħha rridu nkunu qaddejja b’viżjoni, b’impenn u direzzjoni ċara; u b’fidi kbira fil-Kelma tal-Mulej tagħna Sidna Ġesù Kristu biex “naqdfu ’l barra fil-fond” u nintelqu f’idejH.

  • Fid-Djoċesi ta’ Għawdex mbagħad aħna għandna l-presenza tal-Komunita’ tagħna fil-Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat – preżenza ta’ iktar minn 300 sena u li prezentament qed naħdmu ħafna biex din il-binja storika, nittrasformawha f’post ta’ dixxeriniment u akkumpanjment għal dawk il-persuni kollha li jkunu jixtiequ jagħmlu mixja f’ħajjithom jew jkunu jixtiequ jagħmlu jiem ta’ rtiri jew mumenti ta’ talb u tfittxija personali. Grupp minna fil-Provinċja se nkunu mpenjati biex nakkumpanjaw f’dan il-ministeru ġdid.

 

  • Barra minn xtutna, mbagħad aħwa oħra jservu fis-Santa Sede, fil-Kurja tal-Ġeneral, fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ Santa Monika, fil-Provinċja Taljana, f’dik Braziljana kif ukoll f’Cuba. Dawn ħutna wkoll huma xhieda sabiħa tal-ġenerozita’ tagħna bħala Provinċja tul is-snin. Meta konna iktar numeruzi servejna wkoll għal tant snin u b’tant fedelta’ u sagrifiċċju mhux żgħir speċjalment ġewwa l-Alġerija (l-art ta’ Santu Wistin) u għamilna dan fi żmien ta’ sogru kbir. F’dak iż-żmien, l-aħwa ħutna kienu xorta għamlu l-għażla li jibqgħu jaqdu qalb dan l-poplu minkejja l-periklu li kien hemm. F’mumenti oħra tal-istorja tagħna tajna wkoll servizz pastorali fit-Tunesija kif ukoll fl-Amerika.

Xi ftit jew wisq dawn huma l-‘kwadri’ prinċipali ta’ ħajjitna. Fihom hemm paġni sbieħ ta’ fedelta’ kbira. Ta’ dan kollu illum qed inroddu ħajr lil Alla. Meta kien hemm mumenti meta f’qalbi staqsejt lili nnifsi jagħmilx sens li llum tfakkar ġrajjiet ta’ tant snin ilu, mal-ewwel imbagħad ftakart, li dan wara kollox, hu legat li għadna ngħixu b’mod frisk u b’tant imħabba sal-lum stess.  U kull darba li noħlom f’Santu Wistin f’qalbi, fhimt li nkunu qed nonqsu jekk ma nagħmlux hekk. Hu għalhekk li kif semmejt, aħna mhux qed infakkru sempliċiment storja, proġetti u ħidmiet – li ġustament tassew ukoll jistħoqqilkom kull ġieħ – imma qed infakkru din il-ħolma li welldet qalb...qalb li llum għadha ħajja, tbaqbaq...u hi tant sabiħa.

Din il-ħolma jisimha Wistin...għalija mhux biss Missier Spiritwali..imma wkoll ħuna l-kbir, l-iktar ħuna magħruf, il-poeta, il-profeta, dak li qanqal tant kuxjenzi, il-bniedem ta’ fidi, il-bniedem ta’ Alla, il-ħabib ta’ kulħadd.

Lil ħuti kollha u lil dawk li jaqsmu magħna dan l-ispirtu, nawgura li nkomplu nibqgħu nixbhuh u bħalu nkunu nies mimlija (‘tqal’) b’Alla, mimlija dawl, mimlija ferħ. Bħal Wistin...Mulej: aħna rridu nibqgħu nfittxuk, nixtiequ nkomplu nsibuk u nagħrfuk..imma fuq kollox rridu nkomplu nħobbuk dejjem iktar.

Fl-aħħarnett għaziz Mons Arċisqof, waqt li llum ninsabu madwarek, nixtiequ nizgurawk li bħala reliġjuzi Agostinjani kkonsagrati, se nkomplu b’fedelta’ u b’sens ta’ komunjoni li dejjem iddistingwitna, nibqgħu naqdu lill-Knisja b’kuraġġ, b’ferħ, b’ispirazzjoni, bi kreajjtivita’ u b’entuzjazmu...waqt li bil-frisk interjuri li nġorru f’qalbna... nibqgħu niċċelebraw it-tama. Għax l-isem l-iehor tat-tama.... huwa Alla nnifsu.  

 

Ta’ dan kollu: lil Alla waħdu: kull ġieħ u glorja. Amen.

 

Patri Raymond

Provinċjal

 

14 ta’ Settembru 2017


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.