Il-Ħadd 4 ta’ Settembru il-Familja Agostinjana tiċċelebra s-Solennità ta’ Sidtna Marija Omm tal-Konsolazzjoni, padruna tal-Ordni Agostinjan. Meta snin ilu, fil-knisja u fl-Ordnijiet Mendikanti bdiet tissawwar id-devozzjoni lejn sidtna Marija, l-Ordni Agostinjan intrabat mas-simbolu antik tal-ħżiem jew kif nafuh aħna llum taċ-ċintura. Kien f’dak il-kuntest li kibret it-tradizzjoni li Marija dehret lil Santa Monika u tatha dan is-simbolu bħala sinjal ta’ faraġ hi u tiġri wara binha Wistin u tinkuraġġieh jersaq lejn Alla.

Il-liturġija tal-festa ser tiġi ċċelebrata fil-knejjes kollha Agostinjani fil-Jum propju tagħha. F’Malta l-Festa ser tiġi ċċelebrata bi programm sħiħ fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta is-Sibt 3 ta’ Settembru, u fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat is-Sibt 10 ta’ Settembru. Fiż-żewġ knejjes isiru jiem ta’ preparazzjoni u pellegrinaġġ devot fil-jum tal-Festa. F’Għawdex il-Festa tiġi ċċelebrata fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria l-Ħadd 4 ta’ Settembru filgħodu.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Konsolazzjoni jew kif nafuha komunament, il-Madonna taċ-Ċintura, hija filfatt devozzjoni ferm antika f’pajjiżna u tiġi ċċelebrata wkoll f’diversi rħula u knejjes Parrokkjali partikolarment fejn jinsabu fratellanzi li jġibu isimha.



Il-Provinċja Agostinjana Maltija tħabbar b’sogħba l-mewt ta’ P. George Bezzina li llum 30 ta Awissu 2022, mar jiltaqa’ mal-Mulej li tant ħabb u qeda matul ħajtu, fl-eta sabiħa ta’ 94 sena. F’dawn l-aħħar snin P. George kien rikoverat fid-Dar tal-Kleru Birkirkara, wara diversi snin fil-Komunita tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.

P. George twieled il-Għargħur fid-29 ta’ Marzu 1928 u inagħqad mal-familja Agostinjana fl-1946. Wara li temm l-istudji tiegħu kien ordnat Saċerdot fil-21 ta’ Marzu 1953. L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu għexhom fil-Komunitajiet tar-Rabat Malta u tal-belt Victoria f’Għawdex fejn kien responsabbli mill-formazzjoni tal-Professi u aktar tard tan-novizzi Agostinjani. Fl-1961 intbagħat għal sentejn ta’ ħidma missjunarja f’La Goulette Tuneż u wara reġa lura Malta fejn kompla l-ħidma li ħalla fil-qasam tal-formazzjoni bħala surmast tan-novizzi. Fl-aħħar tas-snin sittin imbagħad intbaghat fil-kunvent tal-Belt fejn serva għal ftit snin bħala viċi-Kappillan sakemm fil-bidu tas-sebgħinijiet intbagħat fil-missjoni tal-Brażil fejn ħadem għal aktar minn ħamsa u għoxrin sena f’diversi realtajiet u responsabiltajiet. Fl-1998 imbagħad ħalla l-Brażil u inagħqad mal-komunità ta’ Annaba fl-Alġerija fejn serva għal tmien snin. Lura Malta fl-2006 inagħqad mill-ġdid mal-komunita tal-Belt Victoria Għawdex u fl-2010 beda jagħmel parti mill-Komunita tal-Belt Valletta fejn baqa sakemm fl-2018 ġie rikoverat fid-Dar tal-Kleru minħabba limitazzjonijiet ta’ saħħa.

Missjunarju għal aktar minn 35 sena, P. George serva għal diversi snin fil-Kamp tal-formazzjoni tal-istudenti Agostinjani u kellu tant għal qalbu l-ħidma għall-vokazzjonijiet ġodda. Il-funeral tiegħu ser isir għada l-Erbgħa 31 ta’ Awissu 2022 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fid-9.30am. Qabel il-quddiesa il-ġisem ta’ ħuna P. George ser jitqiegħed fl-Oratorju tal-Madonna taċ-Ċintura għat-tislima tal-pubbliku. Id-difna ssir imbagħad fl-oqbra tal-Provinċja Agostinjana fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

 Il-Provinċja Agostinjana tirrakomanda r-ruħ ta’ dan ħuna fit-talb tagħkom.


Nhar il-Ġimgħa 26 t’ Awwissu l-aħwa Agostinjani iltaqgħu filgħodu għal mument ta’ talb fil-Knisja Santu Wistin, fil-Belt Valletta u wara komplew jiċċelebraw il-festa ta’ Santu Wistin b’ikla fraterna fir-refettorju tal-istess kunvent. Kien mument informali u sabiħ li fih l-aħwa setgħu jiltaqgħu flimkien għall-festi ta’ Santa Monika u Santu Wistin! Il-Festa t-tajba lil kulħadd!


L-aħħar jiem ta’ Awwissu jġibu magħhom is-Solennita ta’ Santu Wistin Missierna li fiha l-Knisja tħares lejn il-figura ta’ ta’ dan il-qaddis kbir u tiċċelebrah fost dawk li għexu l-magħmudija tagħhom fil-milja tagħha.

Din hi s-sejħa ta’ dawk kollha li jagħmlu parti mill-komunità nisranija u li huma msejħa biex kontinwament ifittxu lil Alla flimkien u jiċċelebraw il-fidi tagħhom fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum. Din kienet l-esperjenza naturali taż-żgħażugħ Wistin li fittex li jimrah ma’ sħabu saħansitra fl-aktar postijiet imbegħda ‘il barra minnu nnifsu’, u magħhom ukoll qasam dak li sab: lil Alla ‘li kien jgħammar fih’. Dan hu dak li Ommna l-Knisja tistedinna naqsmu flimkien, u ngħixu f’esperjenza ta’ fidi u sinodalità li ma tkunx l-istess mingħajr is-sehem ta’ kull wieħed minna.

Il-kelma sinodu minnha nfisha tirreferi għal assemblea jew laqgħa ta’ smigħ ta’ xulxin. Allura fi kliem sempliċi, r-riflessjoni li qed tistedinna nagħmlu l-knisja bħalissa hija opportunità biex nirriflettu fuq is-sehem ta’ kull wieħed minnha, il-kontribut li kull wieħed jista’ jagħti lill-komunità, il-komunjoni ta’ bejnietna, is-smigħ, u l-attenzjoni għall-xulxin u għal dak li jagħmilna dak li aħna. F’omelija li l-Kardinal Mario Grech kien għamel f’jum is-Solennità ta’ Santu Wistin (Ruma, 2020) fejn tkellem dwar is-sinodalità, kien fakkar li “għal Santu Wistin l-idea tal-Knisja bħala komunità hija waħda inklussiva u mhux esklussiva, dejjem lesta li tilqa’, u miftuħa għal-kulħadd mingħajr distinzjonijiet jew differenzi: il-katoliċità tagħha tesprimi vokazzjoni għat-totalità.

Din hi l-esperjenza li xtaqt nipproponi għar-riflessjoni tagħna din is-sena, kemm għalina bħala aħwa reliġjużi li għadna kif għexna l-esperjenza ta’ Kapitlu Provinċjali Ordinarju li kienet mument sabih li ġabna flimkien, u anke għalina lkoll bħala Knisja li f’dawn is-snin qed tgħix mixja sinodali. Żgur li dan kollu mhux diskors ġdid, imma jeħtieġ li nibqgħu infakkruh lil xulxin. Bħala mgħammdin (u anke lilna r-reliġjużi bħala persuni kkonsagrati) huwa diskors li għandu jinterpellana aħna u nfittxu li nġeddu kontinwament lilna nfusna u l-istrutturi tagħna.

Illum ngħixu f’soċjeta li minna, aktar milli minn ħaddieħor, tistenna kredibilità u bir-raġun. Aħna skoprejna esperjenza li ġġib magħha responsabilità kbira biex ngħixuha b’mod awtentiku u aktar minn hekk biex naqsmuha mal-oħrajn. Iċ-ċelebrazzjoni tal-qdusija ta’ Santu Wistin hija sinjal ta’ tama li jum wieħed anke aħna għad inkunu qaddisin. L-esperjenza tal-flimkien hija karatteristika intrinsikament marbuta mal-identità Agostinjana tagħna u bla dubju ta’ xejn, esperjenza li s-soċjeta tant għandha bżonn.

Jalla l-komunitajiet u l-istrutturi tagħna jkunu esperjenzi żgħar ta’ sinodalita u tas-sabiħ li nkunu flimkien, li naqsmu l-esperjenza ta’ Alla flimkien u fuq kollox li nkunu xhieda tiegħu f’dak kollu li ngħamlu. Jibqa l-fatt li l-esperjenza kollha tal-‘flimkien’ ma tinbeniex jekk ma titlaqx mill-għażliet żgħar ta’ kull wieħed u waħda minna!

 

Fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


Permezz ta’ kunċert ta’ mużika sagra b’kompożizzjonijiet mill-arkivju tal-Kunvent, nhar it-Tlieta 23 t'Awwissu 2022, il-Komunità Agostinjana, flimkien mal-Komunità Parrokkjali laqgħu lura fil-Knisja l-istatwa Titulari ta’ Santu Wistin issa miżbuha u indurata. Matul din l-aħħar sena filfatt l-istatwa ttieħdet biex tinżebah u ssir l-induratura meħtieġa. Għal dan ix-xogħol tqabbad is-Sur Horace Farrugia tal-Imdina li huwa artist ta’ esperjenza kbira f’dan il-qasam. Huwa ħadem b’reqqa kbira l-ewwel fuq il-kisi bil-ġibs u l-iżgraffjar skond il-panneġġjar u l-ilbies tal-figura sabiħa ta’ Santu Wistin. Imbagħad saret l-induratura bid-deheb u ż-żebgħa skond disinji maħluqa mill-istess Horace Farrugia. Ix-xogħol tal-karnaġġjon sar mill-artisti oriġinali tal-istatwa stess, Aaron u missieru Alfred Camilleri Cauchi.

Aaron u Alfred Camilleri Cauchi filfatt kienu ħadmu l-istatwa fl-injam madwar ħames snin ilu u kienet tbierket fis-sena 2017. L-istatwa tirraffigura lil Santu Wistin liebes l-ilbies episkopali bil-qalb taqbad f’idejh. Il-qalb taqbad hija simbolu tal-imħabba lejn Alla u l-Kelma tiegħU li misset il-qalb tal-istess Wistin. Fin-naħa t’isfel tal-istatwa filfatt hemm anke anġlu bi ktieb f’idejh bil-frażi tal-istess Santu Wistin: Vulnerasti Cor Meum Verbo Tuo, li bil-Malti tfisser, Bil-Kelma tiegħek infidtli qalbi Mulej.

Il-proġett riċenti tal-induratura u ż-żebgħa, sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Arti. Ħajr anke lil dawk kollha li b’mod jew ieħor kienu ta’ għajnuna għall-komunità Agostinjana f’din il-mixja, partikolarment il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina u l-Għaqda Festa Santu Wistin. L-Istatwa ser tinħareġ proċessjonalment il-Ħadd, 18 ta’ Settembru fil-Festa Titulari tal-istess Parroċċa. (Ritratti Ian Noel Pace)


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.