Sejħa Agostinjana

User Rating: 0 / 5

Star InactiveStar InactiveStar InactiveStar InactiveStar Inactive
 

Kompli skopri min aħna

l-ideal tagħna: inkunu “qalb waħda u ruħ waħda f’Alla”...

Qalb Agostinjana

Min kien Santu Wistin?

Ħa naraw x’jirrakkontalna:
Ta’ tifel…niftakarni fuq tiegħi.
Dejjem irrid nivvinta xi ħaġa, nitgħallem, niskopri.
Minn dejjem niftakarni nħobb il-ħbieb.
Dubji kelli mhux ħażin…dejjem kelli għatx u ridt inkun naf x’inhi l-verità.
Fittixt, terraqt, staqsejt, smajt, tlabt..
Fl-aħħar…sibt lil Alla….jew sabni HU nsomma.
Kelli ħolma li saret realtà:
Li qalbna ma ssibx kwiet jekk ma tistrieħx f’Alla
Fittixt, sibt u ħabbejt lil Alla
Qalbi kienet dejjem mimlija sfidi, taqtigħat u suċċessi, bħalma ngħaddu aħna lkoll.
Wistin

Min huwa l-Agostinjan?

Bħala Agostinjani hemm valuri prinċipali bħal

  • interjorità
  • umiltà
  • imħabba
  • studju u tfittxija għall-Verità
  • komunità
  • ġid komuni
  • qadi ġeneruż
  • ħbiberija
  • talb

li fuqhom nibnu l-ħajja Agostinjana u li nsawru l-futur tagħna u tal-oħrajn.

Bħala Agostinjani nfittxu li

  • naqsmu l-ħajja tagħna flimkien,
  • nkunu qalb waħda u ruħ waħda fil-mixja tagħna lejn Alla.

Imma m’aħniex biss grupp ta’ ħbieb imma komunità fejn fi tfittxija kontinwa niskopru r-relazzjoni ma’ Alla permezz ta’ xulxin.

Bil-qalb tiegħek, l-idejn tagħna, u t-talb ta’ dawk li naqdu, AĦNA komunità waħda fi Kristu.

DISCOVER IT!
#AugustinianHeart

Sejħa Agostinjana

“Għaliex qiegħed ngħix? Hija b’din l-mistoqsija li flimkien nistgħu ngħixu ma’ Kristu. Din hija x-xewqa tiegħi, it-tama tiegħi, il-ferħ tiegħi, il-ġid tiegħi...imma ma nixtieqx li nsalva mingħajrek”. (Santu Wistin, Prietka 71)

Skopri min int....għal Wistin il-ħajja hija vjaġġ bla waqfien fi tfittxija għal Alla...

Kif ser twieġeb is-sejħa ta’ Alla fis-seklu 21?

Kompli agħti aktar ħin għal dak li Alla qed isejjaħlek għalih.
Alla għandu ħolma sabiħa għalik.
Isma’ lil Alla permezz tal-oħrajn.
Idħol f’relazzjoni ma’ Ġesù permezz tat-talb.
Itlob, irrifletti u staqsi għall-pariri.

Qatt ma tagħmel il-mixja ta’ dixxerniment waħdek, imma ma’ oħrajn u b’mod kontinwu.

Kompli kun dak li INT tassew.
Ingħaqad magħna f’dan il-vjaġġ...

Skopri minn aħna

Aħna, aħwa, umani, għalliema, saċerdoti, missjunarji, counsellors, kittieba, musiċisti, akkumpanjaturi spiritwali u ħafna aktar.

Inħallu lil Alla jaħdem permezz tagħna.

Għalhekk:

Skopri min int
Skopri min aħna

EXPLORE IT!
#Augustinian Call

Familja Agostinjana

Niftakru minn fejn ġejna...
Ngħixu l-preżent b’entużjażmu...
Inħaddnu t-tama tal-futur tagħna...

Twaqqafna bħala Ordni Agostinjan fl-1244 meta l-Papa Innoċenz IV ġabar flimkien diversi komunitajiet ta’ eremiti fl-Italja.
Għalina Santu Wistin huwa l-missier spiritwali tagħna, li minnu nieħdu l-ideal tal-ħajja tagħna.
F’Malta ilna preżenti mis-seklu 14.

Qegħdin ngħixu l-preżent
b’ħajja għal Alla u għas-soċjetà b’entużjażmu.
b’ħajja mogħtija għall-imħabba, għaqda, talb, mumenti ta’ flimkien, paċi, ġustizzja, xandir tal-kelma t’Alla, għajxien tal-Evanġelju...li jagħtu messaġġ qawwi għad-dinja tal-lum.
Dan nagħmluh f’50 pajjiż madwar id-dinja.

Inħaddnu l-futur b’tama
B’qalb imħeġġa bil-fidi, inkomplu nwasslu

  • id-dawl f’postijiet mudlama,
  • l-entużjażmu fejn hemm l-għeja,
  • l-għaqda u s-sliem fejn hemm il-firdiet,

filwaqt li niddixxernu s-sinjali taż-żminijiet ispirati mill-Kelma ta’ Alla, inxandru l-aħbar it-tajba u ta’ ferħ tal-Evanġelju.

Meta nesperjenzaw u ngħixu ħolma li saret realtà, hemmhekk inpoġġu qalbna iktar fiha, għaliex naraw li din mhix biss teorija imma hija possibilità, esperjenza, ħajja u tama!

 LIVE IT!
#Augustinian Family

Nilħqu lill-oħrajn

Inti qiegħed fil-qalb tal-komunità tagħna
Inti qiegħed fil-qalb ta’ dak kollu li nagħmlu
Nimxu mal-poplu ta’ Alla afdat lilna.
Naqsmu l-vjaġġi u l-esperjenzi tal-ħajja tiegħek waqt li nakkumpanjawk f’mixja lejn Alla.

Qegħdin

  • ir-Rabat (li minn hemm naqdu l-Baħrija u l-Buskett)
  • il-Belt Valletta
  • ir-Rabat Għawdex
  • Ħal Tarxien
  • Paceville (li minn hemm naqdu l-kappella ta’ S. Rita f’San Ġiljan)
  • il-Pietà (Kulleġġ S. Wistin b’campus fil-Pietà u ieħor fil-Marsa)

B’dawn id-diversi ministeri:

  • ministeru pastorali f’diversi komunitajiet
  • edukazzjoni permezz ta’ kulleġġ b’ethos nisrani
  • formazzjoni umana, nisranija u Agostinjana
  • ġustizzja u paċi f’diversi realtajiet lokali
  • ministeru maż-żgħażagħ
  • vokazzjonijiet u dixxerniment tas-sejħa ta’ Alla
  • missjonijiet f’realtajiet barra minn xtutna
  • djalogi u laqgħat kulturali
  • ħidma mal-lajċi Agostinjani
  • dar tal-irtiri għar-riflessjoni personali u komunitarja

Dan huwa l-ikbar miraklu tal-ħajja reliġjuża:
li aħna nħossu għal xulxin u nħobbu lil xulxin,
mhux neċessarjament naħsbu u nidhru l-istess bħal xulxin.

EXPERIENCE IT!
#Augustinian Outreach

Żgħażagħ Agostinjani

Inkunu mal-Agostinjani bħala familja u ħbieb, bħala studenti u żgħażagħ entużjasti li qegħdin infittxu flimkien, u ninżlu fil-fond tal-mistoqsijiet tal-ħajja f’akkumpanjament personali u komunitarju. Dan biex jagħmilna aktar ħielsa filwaqt li niskopru l-ħafna sabiħ li Alla ta lil kull wieħed u waħda minna.

Ngħixu u nesperjenzaw il-ħbiberija sinċiera mingħajr ma nistennew xejn lura.
Flimkien sirna komunità li temmen, f’għaqda u fi ħbiberija, li ma tixtieqx issalva mingħajr xulxin.
Ġesù huwa ċ-ċentru tal-ħajja.

Kull wieħed u waħda minna huwa/hija prezzjuż/a!
Nisimgħu, nirriflettu u ninfetħu bi mħabba għall-bżonnijiet tal-oħrajn.
Inkunu xhieda tal-preżenza ta’ Ġesù Kristu fid-dinja.
Dan kollu fuq il-passi ta’ Santu Wistin u qaddisin Agostinjani li minkejja li għexu snin ilu, għadhom attwali għad-dinja li qegħdin ngħixu fiha llum.

Permezz tax-xhieda tal-Agostinjani, tal-passat u tal-preżent,
naraw l-imħabba tal-Knisja u tal-ħajja tagħhom
mgħejxa bl-ispirtu ta’ Wistin, il-missier spiritwali.

SHARE IT!
#Augustinian Youths

 

Li tieħu deċiżjoni...

Li tieħu deċiżjoni għal ħajtek kollha tista’ tkun ferm diffiċli. Hija esperjenza li ġġib magħha sfidi u riskji. Li titkellem minn impenn għal ħajtek kollha jista’ jkun li llum m’għadhiex moda. Madanakollu jekk wieħed jgħixha sal-aħħar tista’ tissarraf f’esperjenza ta’ ferħ, imħabba u sodisfazzjon fil-Mulej. Esperjenza li twassal għall-għotja tiegħek innifsek għas-servizz tal-aħwa fil-komunità u fil-Knisja.

Għalik żgħażugħ li qed taqra dan kollu: barra mil-laqgħat u l-attivitajiet ta’ matul is-sena, l-aħwa Agostinjani joffru wkoll servizz ta’ akkumpanjament vokazzjonali li huwa miftuħ għaż-żgħażagħ kollha.

Skopri int min int..

Illum, aktar minn qatt qabel, nifhmu l-bżonn li kull wieħed iħares lejn l-istorja partikolari tiegħu u hemm jiskopri l-id setgħana ta’ Alla li taħdem f’kull wieħed minnha. Bħala reliġjużi Agostinjani noffru s-servizz li niltaqgħu miegħek f’ambjent fratern, nisimgħuk u ngħinuk tifhem aktar il-preżenza ta’ Alla li hemm fik. Dan nagħmluh waqt li nimxu miegħek il-mixja tal-ħajja bl-isfidi u l-mistoqsijiet li ġġib magħha.

Liż-żgħażagħ ġuvintur noffrulhom anke l-possibilità li jiġu jgħaddu xi jiem fil-komunità tagħna tar-Rabat fejn jaqsmu magħna mill-qrib il-ħajja tagħna, mibnija fuq l-esperjenza tal-ewwel komunità nisranija. Hawnhekk, huma jgħixu r-realtà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, billi jaqsmu magħna, it-talb, l-Ewkaristija komunitarja, l-ikel, ir-rikreazzjoni u x-xogħol, partikolarment fis-servizz tal-ahwa u tal-Knisja. Fuq kollox naqsmu flimkien is-sabiħ tal-istorja ta’ kull wieħed billi niċċelebraw l-esperjenzi u l-kwalitajiet ta kull wieħed minna.

Nagħmlu mixja flimkien...

Nixtiequ flimkien miegħek nagħmlu mixja fejn inkomplu niskopru s-sejħa u l-pjan sabiġ li Alla għandu għalik. Kompli skopri int min int. Żur il-blog: https://augustinianheartblog.wordpress.com/

 


© 2017 agostinjani.org. All Rights Reserved.